Il-Prim Ministru jinawgura investiment ta’ €2.5 miljun mill-Grupp Ozo

Iżomm lill-ħaddiema kollha grazzi għall-miżuri fil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli inawguraw tisbiħ tal-uffiċini tal-Grupp Ozo fiċ-ċentru ta’ negozju tagħhom f’Ħal Qormi b’investiment ta’ €2.5 miljun.

Fl-anniversarju tal-25 sena mit-twaqqif ta’ din il-kumpanija, il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva dan l-avveniment bħala wieħed ta’ sodisfazzjon u ottimiżmu għall-futur. L-aħħar ftit snin raw lill-Grupp Ozo jikber fid-diversifikazzjoni b’mod sinifikanti fejn in-negozju nfirex ferm u llum il-ġurnata jsostni 3,000 impjegat ingaġġati fi tmien kumpaniji f’industriji varji.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan l-investiment mhuwiex biss sinjal qawwi ta’ rieda u determinazzjoni li l-kumpanija trid tikber aktar, iżda wkoll sinjal b’saħħtu ta’ fiduċja fil-pajjiż. “Ħadd mhu lest li jinvesti tant jekk kemm-il darba jaf li dak l-investiment kapaċi ma jħallix il-frott mixtieq. Ta’ dan irrid nirringrazzja lil ħafna kumpaniji bbażati f’Malta, li l-istess bħal kumpanija Ozo urew reżiljenza liema bħalha,” qal Dr Abela.

Il-Prim Ministru sostna wkoll li, apparti li t-tmexxija tal-Grupp Ozo kienet innovattiva u sabet modi oħra kif tħalli n-negozji għaddej, f’dan il-waqt mimli sfidi għad-dinja kollha żammew magħhom lill-impjegati tagħhom. Dan juri l-għaqal, l-ippjanar u kemm bħala pajjiż għandna kumpaniji aġli.

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli faħħret il-viżjoni intraprenditorjali tal-kumpanija OZO Group, li waqt li kabbret l-operat tagħha tat importanza wkoll lill-aspett ta’ operat sostenibbli. Fost oħrajn, il-kumpanija tinsab fi proċess li taqleb il-flotta tal-vetturi tagħha għal karozzi li ma jniġġsux jew iniġġsu anqas. “OZO Group hija waħda mill-eluf ta’ kumpaniji li matul l-2020 ibbenefikaw mill-wage supplement, li permezz tiegħu setgħu jkomplu jżommu l-ħaddiema tagħhom. Fl-istess ħin raw kif se jagħtu lura lill-komunità b’servizzi bla ħlas. Dan huwa s-sens qawwi ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva li ninkoraġġixxu,” qalet il-Ministru Dalli.

Filwaqt li ħeġġet lill-kumpanija biex tkompli fit-triq tas-sostenibbiltà, Dr Dalli tenniet illi fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin il-ħidma tal-Ministeru se tkun iffukata fuq ir-riġenerazzjoni tan-negozji u l-industriji f’pajjiżna.

Iċ-chairman tal-Grupp Ożo Mario Muscat stqarr li llum ma kinitx biss ċelebrazzjoni ta’ investiment ġdid, iżda ċelebrazzjoni ta’ bidu umli li se jfassal il-kapitlu li jmiss. “25 sena wara li l-ħolma tiegħi saret realtà, illum nista’ naraha tissaħħaħ iżjed u tkattar il-ġid. Dan ma kienx ikun possibbli mingħajr l-impjegati kollha u l-individwi li għenu sabiex dak li ħlomt snin ilu llum qed iħalli l-frott tiegħu,” qal is-Sur Muscat.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Ozo Fabio Luca Muscat qal li llum il-ġurnata qed jipprovdu l-għajxien u l-karrieri ta’ iktar minn 3,000 ħaddiem f’diversi oqsma u għalhekk b’mod naturali l-benesseri tal-impjegati jitqies bħala wieħed mill-valuri prinċipali li jħaddan dan il-grupp.

“Bħal kull negozju ieħor, il-pandemija tal-Covid-19 ħalliet l-impatt tagħha fuqna wkoll, iżda dejjem emminna u konna determinati li kull impjieg għandu jiġi ssalvagwardjat mingħajr ebda forma ta’ diskriminazzjoni. Kburi ngħid li grazzi għall-għajnuna mogħtija mill-gvern, mhux biss irnexxielna nilħqu dan it-tragward, iżda wkoll fi żmien bla preċedent irnexxielna nipprovdu iktar minn 350,000 siegħa ta’ servizz bla ħlas lil diversi kunsilli lokali u entitajiet tal-gvern,” qal is-Sur Muscat.

Share With: