Il-Prim Ministru jipparteċipa f’laqgħa virtwali tal-Kunsill Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-COVID-19

F’laqgħa virtwali tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem fuq il-bżonn ta’ aktar koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-istati membri u l-Kummissjoni Ewropea sabiex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni ta’ sistema diġitali għaċ-ċertifikazzjoni tat-tilqim mill-aktar fiss possibbli.

Il-Prim Ministru saħaq li din ser tkun għodda ferm importanti li tiffaċilita l-moviment sigur tal-persuni ġewwa t-territorju tal-Unjoni Ewropea u terġa’ tibda tagħti nifs lill-ekonomiji tal-istati membri. Huwa tkellem ukoll fuq il-bżonn ta’ ritmu aktar mgħaġġel fil-produzzjoni u t-tqassim tal-vaċċin sabiex tiżdied l-immunità u jintlaħqu l-miri ssettjati mill-Kummissjoni Ewropea.

Matul din il-laqgħa, ġew diskussi diversi temi marbuta mal-COVID-19, inkluż l-iskoperti ta’ varjanti ġodda, il-produzzjoni u l-aċċess għall-vaċċin, iċ-ċertifikazzjoni, kif ukoll il-bżonn ta’ aktar koordinazzjoni biex tiġi msaħħa l-ħidma fuq l-ittestjar u l-itraċċar.

Il-mexxejja ddiskutew ukoll l-istrateġiji għat-tqassim tal-vaċċin, il-kampanji biex jiġi evitat it-tqassim ta’ informazzjoni żbaljata, kif ukoll il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi għall-aċċessibilità u t-tqassim tal-vaċċin.

Share With: