Il-Protezzjoni Ċivili b’investiment kemm fuq l-art u fil-baħar

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, nedew investiment ta’ €1 miljun minn fondi kapitali għal dinghy li jintuża f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar u vettura mgħammra bl-aħħar teknoloġija.

Dan l-investiment se jkompli jsaħħaħ fuq investiment ieħor ta’ miljun ewro li sar f’Settembru li għadda, liema apparat qed jgħin lill-Protezzjoni Ċivili tkun iktar preparata biex taffaċċja realtajiet ta’ kuljum, inkluż meta tiġi l-isfida ta’ maltempata kbira kif ukoll inċidenti f’siti ta’ kostruzzjoni.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li permezz ta’ fondi nazzjonali l-gvern qed juri li huwa kommess u lest li jibqa’ jinvesti kemm jiflaħ fis-sigurtà tal-pajjiż.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega li permezz ta’ dan l-investiment qed nassiguraw li bħala pajjiż inkunu mħejjija aħjar għal dak li jista’ jinqala. Din hija parti minn sensiela ta’ proġetti li ser iwasslu biex il-Protezzjoni Ċivili tkun aktar effiċjenti, preparata u mgħammra biex twieġeb għas-sejħiet li jsirulha. 

Id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila spjega fid-dettall l-investiment li sar f’dinghy mdaqqas ta’ 11-il metru li se jintuża f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar, anke waqt maltempati. Huwa qal kif dan l-apparat se jipprovdi ċertu awtonomija lill-ħaddiema għaliex l-operazzjoni tista’ tibqa’ għaddejja għal 12-il siegħa sħaħ mingħajr il-bżonn ta’ fuel. Minbarra salvataġġ ta’ persuni, dan l-investiment huwa mmirat biex tingħata l-ewwel għajnuna f’tifi tan-nar speċjalment fil-portijiet fejn jintrabtu ħafna dgħajjes.

Min-naħa l-oħra, l-investiment fuq l-art huwa dak ta’ Scorpion Truck, vettura li se tintuża l-aktar f’emerġenzi industrijali għaliex hija mgħammra b’teknoloġija li testendi 15-il metru biex b’hekk ikun jista’ jintefa n-nar mill-bogħod. Dan se jnaqqas il-periklu għall-ħaddiema hekk kif din it-teknoloġija ser toffrilhom aktar protezzjoni waqt emerġenza. Għaldaqstant, il-ħaddiema se jingħataw ukoll taħriġ speċjalizzat.

Share With: