Il-WHO twissi dwar “katastrofi morali” dwar il-vaċċin tal-Covid-19

Id-dinja qiegħda tiffaċċja “falliment morali katastrofiku” minħabba t-tqassim mhux ġust tal-vaċċin tal-Covid-19. Dan qalu l-kap tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) Tedros Adhanom Ghebreyesus. Ghebreyesus saħaq li mhux ġust li persuna ta’ età żgħira, b’saħħitha u li tgħix f’pajjiż sinjur tieħu l-vaċċin qabel persuna vulnerabbli f’pajjiż fqir. Huwa qal li s’issa diġà tqassmu 39 miljun vaċċin lil 49 pajjiż sinjur filwaqt li pajjiż fqir partikolari għandu biss 25 doża. 

Intant, kemm il-WHO u anke ċ-Ċina ġew ikkritikati għall-mod kif irrispondew għall-pandemija tal-Covid-19. Panel indipendenti kkummissjonat mill-WHO qal li din l-istituzzjoni internazzjonali kien messha ddikjarat emerġenza internazzjonali qabel filwaqt li kellu kritika wkoll fil-konfront taċ-Ċina talli ma ħaditx miżuri dwar is-saħħa pubblika qabel kien tard wisq.
S’issa ċ-Ċina, l-Indja, ir-Russja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti tal-Amerika kollha żviluppaw il-vaċċin tagħhom għall-Covid-19, iżda dawn kollha tista’ tgħid taw prijorità lill-poplu tagħhom l-ewwel. 

Meta kien qiegħed jitkellem quddiem il-bord eżekuttiv tal-WHO Dr Tedros qal, “jien irrid inkun skjett: id-dinja tinsab f’xifer katastrofi morali u l-prezz tal-falliment se jitħallas bil-ħajjiet u l-għejxien tal-iktar pajjiżi fqar fid-dinja.” Tedros qal li l-approċċ ta’ “l-ewwel jien” se twassal biex il-prezzijiet tal-vaċċin jogħla u b’hekk ħafna pajjiżi jibdew iġemmgħu t-tilqimiet. Tedros saħaq li, “finalment dawn l-azzjonijiet se jwasslu biex il-pandemija titwal.” 

Fid-dawl ta’ dan, il-WHO ħeġġet għal iktar impenn mill-pajjiżi dwar l-iskema ta’ tqassim ekwu tat-tilqim magħrufa bħala Covax. S’issa kien hemm iktar minn 180 pajjiż li ffirmaw l-inizjattiva ta’ Covax, li hija appoġġjata mill-WHO u gruppi oħrajn favur it-tilqim. L-għan ta’ Covax huwa li tgħaqqad il-pajjiżi fi blokk wieħed u b’hekk ikunu iktar b’saħħithom biex jinnegozjaw mal-kumpaniji farmaċewtiċi. 

Share With: