Illiberat wara żball fl-akkużi mressqa mill-Pulizija

Raġel li nstab barra d-dar tiegħu tard filgħaxija bi ksur tal-libertà proviżorja, ġie lliberat mill-Qorti wara żball fl-akkużi mressqa mill-Pulizija.

Ir-raġel ta’ 38 sena kien ingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest fi proċeduri li għaddej b’rabta ma’ vjolenza domestika. 

Meta nstab isuq fil-Bypass ta’ Birkirkara għall-ħabta tal-11.00 p.m., huwa kien qal lill-uffiċjali tal-pulizija li kien fi triqtu lejn Monte Karmeli fejn kien imur għall-għajnuna minħabba kwistjonijiet ta’ saħħa mentali.

Dan iżda kien ifisser li r-raġel kien jikser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti billi huwa kien ordnat biex ma joħroġ mid-dar tiegħu bejn is-7.30 p.m. u t-8.00 a.m.

Huwa kien tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati talli kiser dawn il-kundizzjonijiet, li naqas milli jiffirma l-Għassa regolarment u li kien riċediv. 

Meta nstema’ l-każ, l-Avukati tiegħu kienu indikaw lill-Qorti li kien hemm żball fl-akkużi. Fuq id-digriet tal-pleġġ kien hemm miktub li nħareġ fis-27 ta’ Settembru meta fir-realtà, il-ħelsien mill-arrest kien ingħata fit-13 ta’ Awwissu. 

Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Rachel Montebello osservat li żball bħal dan kien jikkonċerna wieħed mll-elementi materjali tar-reat. “Barra minn hekk, il-Prosekuzzjoni kienet ippreżentat biss kopja informali tad-digriet tal-pleġġ ta’ Awwissu, mingħajr ma talbet li tikkoreġi d-data żbaljata fuq l-akkużi.”

Il-Maġistrat Montebello osservat li l-imputat ma setax jinstab ħati li kiser digriet li dwaru ma ġiet eżebita l-ebda evidenza u għaldaqstant illiberatu mill-akkużi miġjuba kontrih. 

Ir-raġel kien assistit mill-Avukati Franco Debono, Michael Sciriha, Amadeus Cachia u Matthew Xuereb.

Share With: