Inawgurata għassa ġdida fl-Ajruport Internazzjoni ta’ Malta

Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà inawguraw għassa tal-Pulizija ġdida ġewwa l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li fiha saru numru ta’ xogħlijiet sabiex din l-għassa tkun waħda moderna.

L-għassa l-ġdida toffri aktar sigurtà u privatezza lil kull min ifittex is-servizzi tal-pulizija. L- investiment sar mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bħala parti mill-proġett ta’ rinovar li qed isir fl-ajruport.

Il-Ministru Camilleri spjega kif ix-xogħlijiet li saru wasslu biex il-membri tal-Korp tal-Pulizija li jaħdmu ġewwa din l-għassa ikollhom ambjent iktar xieraq u li jilqgħek. “L-inawgurazzjoni tal- għassa ġdida ġewwa l-ajruport hija l-aħħar minn sensiela ta’ investimenti li qed isiru fil-Korp tal-Pulizija. Din l-għassa hija waħda sensittiva li tara bosta nies differenti, għalhekk kien jeħtieġ li tirrifletti r-realtajiet li jaħdmu fihom l-uffiċjali,” saħaq il-Ministru.

Il-Kummissarju tal-Pulizija s-Sur Angelo Gafà tenna l-impenn tal-Korp biex itejjeb l-ambjent mhux biss għall-impjegati tiegħu imma wkoll għall-membri tal-pubbliku li jkollhom bżonn jużaw is-servizzi tal-pulizija. Il-Kummissarju wiegħed li se jkompli jaħdem sabiex itejjeb l- ambjent tal-postijiet tax-xogħol tal-pulizija sabiex dawn jipprovdu servizz iżjed effiċjenti u iżjed effettiv, filwaqt li rringrazzja lill-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta is-Sur Alan Borg tal-kollaborazzjoni tiegħu f’dan l-investiment.

Share With: