Infermiera Għawdxija b’appell biex kulħadd jieħu t-tilqima

Felicienne Cini: “kienu xhur diffiċli … kellna nilbsu lbies protettiv siegħat twal”

L-infermiera Għawdxija li ħadet l-ewwel tilqima kontra l-Covid19 fil-gżira minn fejn ġejja qed tappella lil kulħadd biex jeħodha ħalli pajjiżna wkoll jeħles minn dan il-virus.

Felicienne Cini, li taħdem fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, ingħatat it-tilqima fid-29 ta’ Diċembru fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Hija u titkellem ma’ Inewsmalta Cini rrimarkat kif hija tispera li kienet ta’ ispirazzjoni għan-nies u ħeġġet lil kulħadd biex jieħu l-vaċċin.

“Nemmen li kulħadd għandu jitlaqqam ħalli nilħqu livell għoli ta immunità u neqirdu dan il-virus f’qasir żmien. Għal min għadu xettiku jeħodhix jew le jaqra minn ‘reliable sources’ tal-awtoritajiet tas-saħħa”.

Cini qalet li l-għada li ħadet it-tilqima marret għax-xogħol normali u kompliet bir-rutina tagħha tas-soltu. 

Hija iddeskriviet dawn l-aħħar xhur li ħadmet fl-ITU ma’ persuni morda bil-virus bħala xhur difficli ghalija kemm għaliha kif ukoll għal sħabha.

“Kellna nadattaw għal realtà differenti u nilbsu lbies protettiv għal siegħat twal. Għalkemm kienet ta’ sfida ħdimna bħala team u xorta għamilna il-ħila tagħna biex nagħtu il-100% lill-pazjenti tagħna”, żiedet għid Cini.

Fil-preżent il-vaċċin tal-Pfizer qed jingħata lill-istaff mediku u fl-ewwel ġimgħat ta’ Jannar jkun imiss lir-residenti fid-djar tal-anzjani u lil dawk li għandhom ‘il fuq minn 85 sena.

Share With: