“Investiment ieħor ta’ €4 miljun fl-edukazzjoni ta’ uliedna”

Waqt li żaret ix-xogħlijiet li għaddejin fl-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ St Thomas Moore, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana ħabbret investiment ta’ €4 miljun li se jiġu investiti f’sala u f’kumpless sportiv. Qalet li meta wieħed iħares lejn dawn il-proġetti, huma żewġ proġetti li ġew assimilati flimkien li qed isiru bil-kollaborazzjoni tal-amministrazzjoni tal-iskola flimkien mal-FTS. Sostniet li b’dan l-investiment qed naraw li se jkun ta’ benefiċċju mhux biss għall-istudenti, għax se jkun hemm faċilitajiet ta’ sala fejn se jsir it-tagħlim u attivitajiet, imma mbagħad qed naraw l-aspett ta’ kumpless sportiv fejn se jkun hemm attivitajiet sportivi għat-tfal tagħna.

Il-Ministru qalet: “L-iskola ta’ Santa Luċija għandha potenzjal enormi u wara li kien hemm ukoll komunikazzjoni bejn l-amministrazjoni tal-iskola u l-gvern, minħabba nuqqas ta’ faċilitajiet ġewwa din l-iskola, beda l-ippjanar u eventwalment it-twettiq ta’ proġett ambizzjuż ħafna.”

Il-Ministru Caruana qalet li dan huwa gvern tan-nies li jifhem fl-esiġenzi tal-komunità u fissret li l-faċilitajiet il-ġodda jistgħu jitgawdew mill-komunità ta’ Santa Luċija kollha. B’dan il-mod, qalet li dan ifisser investiment mhux biss fl-edukazzjoni imma wkoll fil-komunità.

Hija qalet: “Is-settur edukattiv f’pajjiżna huwa ta’ prijorità għal dan il-gvern għaliex wara li ħabbarna €35 miljun pakket finanzjarju b’saħħtu biex stħajna niftħu u nżommu l-iskejjel miftuħin, qed naraw il-parti l-oħra bħall-proġetti infrastruturali li għaddejin madwar pajjiżna ġewwa l-iskejjel tagħna.”

Qalet li dan huwa parti minn proġett iktar estensiv, investiment massiċ ta’ €50 miljun li l-gvern qed jinvesti fis-settur edukattiv ta’ pajjiżna fuq livell infrastruturali. Dan jikkumplimenta wkoll l-investiment ta’ €80 miljun li dan il-gvern għamel fl-iskejjel tagħna sa mill-2013.

Share With: