Investiment ta’ €18-il miljun fil-proġett tal-mini ta’ Ħal Kirkop u l-Proġett tal Intersezzjoni tal-Ajruport

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar investiment ta’ €18-il miljun li se jkun qed isarraf f’titjib fir-roundabout tal-Gudja, flyover ġdida għal dawk li jivvjaġġaw  minn u lejn Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, iż-Żurrieq u Ħal Safi kif ukoll żewġ mini ġodda biex  itejbu l-aċċess għall-Ajruport u l-Freeport. 

Il-Ministru Ian Borg qal li, “Din hi prova ċara oħra li dan il-gvern hu tassew għan-nies. Dan l investiment hu wieħed li se jkun qed jiffaċilita l-ħajja ta’ bosta nies, speċjalment dawk kollha li  jivvjaġġaw ta’ kuljum minn hawnhekk u li kienu jeħlu fit-traffiku. Prijorità ta’ dan il-gvern hi dejjem  is-sigurtà tan-nies. B’hekk rajna li permezz tal-flyover il-ġdida se jkun qed jitnaqqas kemm il-ħin tal ivvjaġġar minħabba li se jonqos it-traffiku, kif ukoll se jonqos ir-riskju ta’ inċidenti. B’dan l investiment se nkunu qed nimxu pass ieħor ‘il quddiem lejn il-viżjoni ta’ dan il-gvern f’dik li hi  infrastruttura aktar ħadranija permezz ta’ inqas traffiku li awtomatikament jirriżulta f’inqas  emissjonijiet fl-arja u fl-adozzjoni ta’ trasport aktar nadif u sostenibbli permezz ta’ aktar passaġġi tal mixi, aktar kumdità għat-trasport pubbliku u aktar passaġġi siguri għar-roti.” 

Il-proġett mistenni jinkludi passaġġ pedonali li Infrastructure Malta se tkun qed tibni tul l-istess triq  kif ukoll disinn ġdid tar-roundabout li se jkun qed joffri faċilitajiet aktar siguri għall-utenti meta  jaqsmu t-triq kif ukoll għaċ-ċiklisti. 

Infrastructure Malta bdiet ix-xogħljiet fuq dan il-proġett din il-ġimgħa fl-istess waqt li waslu wkoll  biex jitlestew iż-żewġ proġetti infrastrutturali maġġuri l-oħra – il-Mini ta’ Santa Luċija u l-Marsa  Junction Project.

Share With: