Investiment ta’ €37 miljun għall-operat tal-Freeport li jkompli jnaqqas l-impatt fuq ir-residenti tal-madwar fl-2021

Potenzjal ta’ aktar xogħol fil-Freeport b’tisħiħ fil-kummerċ Malti f’iżjed minn 100 port b’mod partikolari fl-Asja

Is-sena 2021 se tara l-Malta Freeport Terminals iżid il-potenzjal ta’ aktar xogħol u l-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet ta’ impjiegi. Dan grazzi għall-investiment rekord u għat-tisħiħ fil-kummerċ Malti b’konnessjoni ma’ iżjed minn 100 port madwar id-dinja, qal il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri waqt żjara fil-faċilitajiet tal-Malta Freeport Corporation.

Il-ministru tkellem dwar il-viżjoni tal-gvern għall-Freeport għas-sena 2021, li se tara l-ikbar investiment ta’ madwar €37 miljun. Irrefera wkoll għall-investment li qed isir fuq is-sistemi operattivi tal-Freeport mgħammra b’teknoloġija b’inqas impatt ambjentali permezz ta’ sistema tad-dawl li tippermetti li l-vapuri jitfu l-magni meta jkunu sorġuti l-Freeport. Dan inaqqas it-tniġġis kif ukoll l-istorbju fil-port.

Dan l-investiment jinkludi l-installazzjoni ta’ żewġ key cranes moderni li jgħinu fl-immaniġġjar ta’ containers b’investment ta’ €20 miljun li għandhom jiġu installati sas-sajf tal-2021.

Il-Ministru Schembri enfasizza dwar il-ħtieġa ta’ bilanċ bejn l-operat tal-Freeport u li dan ikun ta’ sostenn għall-komunità ta’ Birżebbuġa filwaqt li nnota x-xogħol li hemm għaddej fuq il-proġett tal-provvista għall-enerġija Onshore Power Supply. B’investiment ta’ iżjed minn €12-il miljun, dan se jkun ta’ benefiċċju għar-residenti tal-madwar li se jaraw nuqqas ta’ emissjonijiet u storbju ġġenerat bħalissa minn bastimenti rmiġġati. 

Il-Ministru Schembri tkellem ukoll dwar il-kontribut tal-Freeport lejn it-tkabbir tal-ekonomija ta’ pajjiżna u l-irwol ewlieni tiegħu biex l-industrja lokali tibqa’ tirċievi l-materja prima sabiex l-esportazzjoni ta’ Malta ma tiġix affettwata.

Ta ħarsa lejn l-andament tas-sena 2020 u spjega li għalkemm din kienet ta’ sfida fuq livell globali, meta wieħed jikkumpara l-andament tax-xogħol f’Freeport Malta ma’ dak ta’ portijiet madwar il-Mediterran, isib li dan kien wieħed li jagħmlilna kuraġġ. Statistika turi li l-fluss totali għall-2020 kien ta’ 2.4 miljun container. Kien hemm total ta’ 131 elf container li kienu importazzjonijiet jew esportazzjonijiet lokali b’mod partikolari mill-Asja, b’kontribut lejn l-ekonomija lokali ta’ aktar minn €160 miljun.

Tkellem ukoll dwar ix-xogħol fuq il-bini ta’ parkeġġ bi tliet sulari li se jkun miftuħ għall-ħaddiema tal-Freeport, għar-residenti minn Birżebbuġa u għall-pubbliku ġenerali u li se jġib miegħu investiment ta’ €3 miljun mill-MFC b’xogħlijiet skedati li jibdew minn Projects Malta fl-ewwel kwart tal-2021. Qal li l-MFC talbet lil Infrastructure Malta biex tħejji kwotazzjoni indikattiva għat-tiswijiet meħtieġa fuq il-moll Medserv u parti mill-moll Oiltanking. L-istima hija ta’ €1.6 miljun. Issa jmiss l-eżamijiet finali taħt l-ilma.

Matul din is-sena, l-MFC ser tkompli bil-monitoraġġ ambjentali u se tgħin finanzjarjament għaqdiet mhux governattivi fil-komunità ta’ Birżebbuġa mill-fond amministrat bejn l-MFC u l-MFTL.

Waqt iż-żjara, il-ministru ltaqa’ mal-ħaddiema li jieħdu ħsieb is-sigurtà tal-operat, mal-ħaddiema li jieħdu ħsieb transhipments, container handling u mal-burdnara u rringrazzjahom tal-bżulija tagħhom. Il-Freeport jimpjega 1,496 impjegat.

Is-CEO tal-Malta Freeport Corporation David Magro fakkar fir-responsabbiltà tal-Awtorità fis-sigurtà fiż-żona tal-Freeport. Qal li fl-2020 ġew investiti madwar €180k f’dak li għandu x’jaqsam bħala sigurtà u dwar il-ħidma bla waqfien mad-dwana.

Is-CEO tal-Malta Freeport Terminal Alex Montebello qal li minkejja d-diffikultajiet ekonomiċi iffaċċjati mill-pandemija, il-Freeport baqa’ għaddej b’investimenti importanti permezz tal-iffirmar tal-kuntratt għax-xiri ta’ żewġ quay cranes. Semma li l-Freeport huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija Maltija u qed iħalli impatt dirett kif ukoll indirett fl-ekonomija ta’ pajjiżna filwaqt li jiġġenera l-ħolqien ta’ mijiet ta’ impjiegi.

Share With: