Ir-rata fl-għoti tat-tilqima kontra l-Covid-19 fid-djar tal-anzjani se tiżdied b’erba’ darbiet aktar

Waqt laqgħa virtwali mal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Pensjonanti, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ddiskuta diversi temi li jolqtu l-anzjanità attiva u l-pensjonanti f’pajjiżna.

“Bdejt biex tajthom l-aħbar pożittiva li ngħatajt dalgħodu li minn nhar it-Tnejn, ir-rata tal-għoti tal-vaċċin kontra l-Covid 19 se tiżdied b’erba’ darbiet aktar fid-djar tal-anzjani. B’hekk se jiġi aċċellerat it-tilqim fid-djar kollha tal-anzjani bi skeda bejn djar immexxija minn setturi differenti. Dan se jwassal ukoll biex ikun imħaffef il-proċess kollu f’pajjiżna u nirritornaw lejn in-normalità mill-aktar fis possibbli”, qal il-Ministru Michael Farrugia.

Żied jgħid li permezz tal-wasla ta’ aktar vaċċini f’pajjiżna se jkompli jiskatta l-proċess tat-tilqim tal-anzjani li jgħixu fid-djar tagħhom.

Apparti s-sitwazzjoni preżenti tal-pandemija fostna, il-Ministru Michael Farrugia ta rendikont tad-diversi bidliet, inizjattivi ġodda u operazzjonijiet aktar effettivi tas-servizzi li qed jingħataw l-anzjani, kemm jekk huma residenti f’San Vincenz de Paul, djar tal-anzjani, kif ukoll dawk fil-komunità.

Filwaqt li l-assoċjazzjoni ressqet diversi proposti biex ikunu evalwati mill-gvern, il-Ministru Michael Farrugia spjega d-diversi miżuri ħolistiċi li qed ikunu ta’ benefiċċju għall-anzjani f’pajjiżna.

Share With: