Ir-residenti ta’ Santa Luċija jibbenefikaw minn seba’ toroq ġodda u mit-tisbiħ ta’ belvedere

Fi żjara f’Santa Luċija, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar investiment ta’ €2 miljun fi proġett ta’ bini u tat-titjib ta’ seba’ toroq residenzjali ġodda kif ukoll it-tisbiħ ta’ belvedere f’Wied Garnaw, f’Santa Luċija.

Il-Ministru Ian Borg esprima s-sodisfazzjon tal-gvern li qed jinżel aktar fil-qalba tal-lokalitajiet biex jisma’ lill-poplu u jaħdem għat-talba ta’ dawn ir-residenti sabiex joffrilhom l-aqwa kwalità ta’ ħajja possibbli.

“Il-viżjoni ta’ dan il-gvern hija ċara daqs il-kristall. Dan hu gvern għan-nies li l-ħidma tiegħu ma tieqaf qatt u li kommess li jibqa’ jservi u li jagħti lill-poplu infrastruttura denja, tal-ogħla kwalità, aktar sigura u aktar ħadranija. Ir-residenti ta’ Santa Luċija, apparti li se jibbenefikaw minn seba’ toroq residenzjali ġodda tal-ogħla kwalità, se jingħataw nifs aktar ħadrani permezz tal-belvedere ta’ Wied  Garnaw li se jiġi msebbaħ b’għadd ta’ siġar u arbuxell. Barra minn hekk se jkun ukoll sit apposta fejn ir-residenti jistgħu jgawdu l-mixja tagħhom fil-ħin liberu f’ambjent mill-aqwa u seren. Apparti hekk, se naraw li noffru wkoll korsiji ġodda għaċ-ċiklisti sabiex inkomplu ninċentivaw lin-nies biex jagħmlu aktar użu minn mezzi ta’ trasport alternattiv u aktar nadif”, qal il-Ministru Ian Borg.

Ix-xogħlijiet bdew din il-ġimgħa fi Triq Dawret it-Torri, li tgħaqqad Triq tal-Barrani ma’ Triq il-Prinjol u maż-żona tal-Knisja Parrokkjali fiċ-ċentru ta’ Santa Luċija.

Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija, b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta, iddisinja mill-ġdid il-belvedere b’tul ta’ kilometru li joffri pajsaġġ mill-isbaħ bis-siġar, inkluż spazju rikreattiv ġdid għar-residenti u rotta aktar sigura għaċ-ċiklisti u għall-utenti tat-triq.

Bħala parti mill-istess proġett, Infrastructure Malta se terġa’ tibni wkoll bosta toroq f’din il-lokalità fosthom Triq il-Klematis, Triq Dun M. Mifsud, Triq il-Ġjaċinti, Triq Stella Maris, Triq it-Tulipan u Triq iċ-Ċikwejra.

Fl-aħħar sentejn, fil-lokalità ta’ Santa Luċija, diġà saru dawn it-toroq: Triq il-Bruka, Triq il-Ġiżimin, Triq iż-Żnuber u Triq Gardenja.

Share With: