“Ir-riformi se jibqgħu għaddejjin” – Il-PM Robert Abela

“Ir-riformi se jibqgħu għaddejjin. Wara riformi istituzzjonali u kostituzzjonali estensivi baqa’ xogħol xi jsir biex tissaħħaħ il-ġlieda tagħna kontra l-kriminalità organizzata u se ssir enfasi fuq ir-reati finanzjarji. Hemm investiment fl-istituzzjonijiet biex dawn ikunu effettivi aktar minn qatt qabel.”
Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed jindirizza laqgħa tal-MCESD li trattat il-governanza tajba u s-saltna tad-dritt. Dr Abela beda biex qal li sa mill-bidu nett tat-tmexxija tiegħu bgħatt messaġġ ċar li l-Governanza kienet se tkun ta’ prijorità għal dan il-Gvern.
Qal li saret ħidma biex ġew imfassla riformi leġislattivi li kienu verament bla preċedent. “Sħaqna fuq id-dixxiplina u s-serjetà u saħħaħna istituzzjonijiet li għal għexieren ta’ snin kienu jeħtieġu bidliet radikali.”
Huwa semma kif fil-viżjoni li nieda għal pajjiżna għall-10 snin li ġejjin f’Awwissu li għadda, il-governanza tajba kienet waħda mill-ħames pilastri ewlenin li fuqhom il-Gvern kien qed jara li l-viżjoni ta’ dan il-pajjiż kellha tiġi msejsa fuqhom.
“Governanza tajba li twassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar,” qal Dr Abela. “Ressaqna quddiem il-Parlament riformi kbar li ntlaqgħu pożittivament kemm mill-Kummissjoni Venezja kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Riformi li mhux biss saħħew is-saltna tad-dritt u l-governanza f’pajjiżna imma saħħew ukoll ir-reputazzjoni ta’ Malta barra minn xtutna kif ukoll il-kredibilità ta’ pajjiżna.”
“Bħala Prim Ministru rajt li dan il-proċess ta’ riformi jimxi ‘l quddiem għax tassew emmint fil-kawża li nagħtu nifs ġdid lill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna wara snin ta’ status quo. Wasalna għal metodu ġdid kif jinħatar il-President tar-Repubblika, ilħaqna qbil dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef u neħħejna s-setgħa li naħtru lill-ġudikanti.
“Saħħaħna l-Kumitat għall-Ħatriet tal-Ġudikanti. Isseparajna l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mill-uffiċju tal-Avukat tal-Istat.Saħħaħna l-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni. Ikkoperajna bis-sħiħ f’eżerċizzju li l-Kummissjoni Ewropea nediet għall-ewwel darba s-sena li għaddiet biex tanalizza l-qagħda tas-saltna tad-dritt fl-UE u s-27 stat membru tagħha. Il-Kummissjoni Ewropea għarfet il-bidla li wettaqna bil-bidla li għamilna bil-metodu ġdid għall-ħatra tal-pulizija.”
Dwar l-evalwazzjoni li qed issir mill-Moneyval il-Prim Ministru aċċerta lill-imsieħba soċjali li fl-aħħar xhur issoktat ħidma estensiva biex dak li kien mistenna minna bħala pajjiż sar.
“Dak kollu li kellu jsir min-naħa tagħna twettaq u se nkomplu għaddejjin bil-ħidma importanti li qed issir bħalissa sakemm ikollna r-riżultat finali li jien konvint li se jkun wieħed sodisfaċenti għal pajjiżna.”
Huwa temm id-diskors tiegħu billi qal li dan il-Gvern huwa wieħed miftuħ għall-iskrutinju u appella lill-ġurnalisti biex jibqgħu jagħmlu d-domandi tagħhom.

Share With: