Ir-right to disconnect: “Qafas leġiżlattiv li jimplimenta dinja tax-xogħol ġdida filwaqt li jissalvagwardja d-drittijiet miksubin tul is-snin”

Il-globalizzazzjoni u l-avvanzi teknoloġiċi, u l-effetti li dawn l-avvanzi qed iħallu fuq ħajjitna, xprunaw lill-General Workers’ Union biex titkellem dwar id-dritt tar-right to disconnect. Hekk tenna s-Segretarju Ġenerali tal-General Worers’ Union Josef Bugeja waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet li żvolġiet aktar kmieni dalgħodu dwar l-importanza tad-dritt miksub għall-ħaddiem li ma jibqax konness mal-post fejn jaħdem wara l-ħin tax-xogħol.

Bugeja għamel referenza għal stħarriġ li kien ippubblikat is-sena li għaddiet mill-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, liema stħarriġ jindika li 40% tal-ħaddiema Maltin kienu ġew ikkuntattjati wara l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom. “Rajna li d-dritt għal 40 siegħa xogħol qed jispiċċa jkun estiż, b’dan ikollu impatt negattiv fuq il-persuna,” saħaq Bugeja.

Tenna li l-fatt li ħaddiem qed jibqa’ kontinwament konness mal-post tax-xogħol qed jaffettwa mentalment lill-ħaddiem u lil dawk ta’ madwaru.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU żied jisħaq li l-pandemija kompliet taċċelera l-impatt tat-teknoloġija fuq il-ħaddiem, u kien għaldaqstant li kienet evidenti l-importanza li jinħoloq qafas leġiżlattiv li jagħti protezzjoni lid-drittijiet tal-ħaddiema. “Qafas leġiżlattiv li jimplimenta dinja tax-xogħol ġdida filwaqt li jissalvagwardja d-drittijiet miksubin tul is-snin,” tenna Bugeja.

Min-naħa tiegħu l-Membru parlamentari Ewropew alex Agius Saliba tenna li l-vot tal-Parlament Ewropew dwar ir-right to disconnect bħala messapp ċar favur id-drittijiet tal-ħaddiema.

“Messaġġ biex nibdew illum qabel għada biex nibdew it-taħditiet mal-imsieħba soċjali biex dan id-dritt miskub ma jibqax dritt biss għal fuq il-karta iżda jkun dritt li jitgawda b’mod sħiħ mill-ħaddiema kollha Maltin u Għawdxin,” tenna Agius Saliba.

Huwa qal li llum il-ġurnata qed ngħixu f’sitwazzjoni fejn id-diġitalizzazzjoni qed taffettwa l-ħajja tagħna b’mod dirett kemm b’mod pożittiv u kif ukoll b’mod negattiv. 

Filwaqt li qal rajna l-pożittività tal-għodod diġitali waqt il-pandemija, fejn kieku ma kienx għal dawn l-għodod diġitali ħafna ħaddiema kienu jispiċċaw jitilfu l-impjieg tagħhom, madankollu l-effett negattiv ta’ din id-diġitalizzazzjoni qed tinħass l-aktar ukoll minn dawk il-ħaddiema li bħalissa qed jaħmdu mid-dar tagħhom għall-ewwel darba.

Tenna li statistika li saret mill-aġenzija Eurofound turi li 30% tal-ħaddiema li qed jaħdmu mid-dar qed jaħdmu fil-ħin tal-mistrieħ tagħhom, b’dan jikkuntrasta bil-kbir mal-5% ta’ dawk il-ħaddiema li jaħdmu mill-uffiċini li qalu li jibqgħu jaħdmu anke fil-ħin tal-mistrieħ tagħhom.

Agius Saliba tenna li llum il-Kummissjoni għandha direttiva fformulata li fl-aħħar mill-aħħar se tkun qed tara huwa dritt fundamentali għall-ħaddiema biex jibbenefikaw mill-ħin tal-mistrieħ tagħhom.

“Dak li ġġieldu għalih l-unjins u missirijietna fis-snin li għaddew, illum il-ġurnata qed jitnaqqar għax ma kinitx aġġornata l-leġiżlazzjoni għar-realtajiet li l-ħaddiema qed jiffaċċjaw ta’ kuljum,” huwa żied jgħid.

Żied jisħaq li permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni l-ħaddiema ngħataw l-għodod biex għall-ewwel darba jkunu jistgħu jinforzaw dan id-dritt tar-right to disconnect.

huwa temm jgħid billi esprima l-ottimiżmu tiegħu li Malta se tkun minn tal-ewwel li timplimenta f’leġiżlazzjoni dan id-dritt fundamentali tal-ħaddiem.

Share With: