Ir-rigs li jinsabu f’Palumbo Shipyards se jitneħħew minn Malta

F’konferenza fejn ġew diskussi r-rigs li jinsabu f’Palumbo Shipyards, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal li huwa mistenni li dawn ir-rigs se jitilqu minn Malta sal-aħħar ta’ April ta’ din is-sena.

Dawn ir-rigs kienu suġġetti għal kontroversja minħabba li ilhom irmiġġjati għal numru ta’ snin. Dan minħabba l-kriżi globali fl-industrija taż-żejt u l-gass, ikkombinata mal-pandemija Covid-19. Madankollu wara diskussjonijiet mas-sidien tar-rigsu r-rappreżentanti lokali li għarfu s-sensittività u l-karatteristika unika tal-Port il-Kbir u r-rilevanza tal-Port għar-residenti fil-bliet tal-madwar u l-pubbliku inġenerali, intlaħaq ftehim li r-rigs se jiġu mobilizzati u hemm pjanijiet li dawn jitilqu minn Malta.

Din hija operazzjoni enormi u li tieħu diversi xhur. Minħabba r-restrizzjonijiet ta’ vjaġġar li ġabet magħha l-Covid-19, ir-riattivazzjoni u l-mobilizzazzjoni huma saħansitra iktar kumplessi minħabba l-fatt li irid isir użu minn makkinarju speċjalizzat li jeħtieġ li jiġi importat mir-Renju Unit u l-Ewropa.

Il-Ministru Ian Borg qal li, “Dan hu Gvern li hu konxju tal-potenzjal u r-reputazzjoni li għandha Malta fis-settur marittimu u ninsabu kommessi li dan l-istandard inżommuh kif ukoll intejbuh. B’din l-inizjattiva u politika sabiex jitnaddaf il-Port il-Kbir minn dawn il-bastimenti se nkunu wkoll qegħdin nikkumplimentaw interventi oħra bħar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir kif ukoll proġetti oħra bħalma huma il-Grand Harbour Clean Air Project u t-Terminal il-ġdid ta’ Ras Ħanżir. Nafu kemm l-industrija marittima f’Malta hija pilastru tal-ekonomija nazzjonali u tiġġenera bosta mpjiegi u b’hekk huwa fid-dmir tagħna li dan nissalvagwardjawh kif ukoll ntejbuh.”

Il-ministru żied jgħid li l-inizjattiva biex jitneħħew numru ta’ bastimenti mitluqa se sservi wkoll biex tevita ħsara potenzjali għall-ambjent tal-baħar u tenna li kemm il-gvern kif ukoll l-uffiċjali tal-awtorità se jkunu f’kuntatt mar-rappreżentanti tal-industrija, l-NGOs u l-partijiet interessati kollha sabiex is-settur marittimu jiffjorixxi filwaqt li jkunu ukoll sensittivi għall-aspettattivi u l-ħtiġijiet soċjali.

Share With: