Is-Saħħa u Ħarsien tal-Annimali

Jikteb il-Ministru Anton Refalo

Din il-ġimgħa nagħlaq sena minn meta ġejt afdat bil-Ministeru tal-Agrikoltura, is-Sajd , l-ikel d-Drittijiet tal-Annimali. Parti mid-dekasteru li fih ħdimt għal qalbi huwa dak tas-Saħħa u Ħarsien tal-Annimali li rnexxielna ntejbu flimkien minkejja l-isfidi tal-pandemija.

Matul is-sena li għaddiet, ġew implimentati numru ta’ miżuri relatati mal-Istrateġija tal-AntiMicrobial Resistance 2020 – 2028. L-AntiMicrobial Resistance hija relatata mar-reżistenza tal-annimali għal ċertu mediċinali.  Dawn il-miżuri jinkludu l-pubblikazzjoni ta’ fuljetti edukattivi.  Beda jsir ukoll il-ġbir ta’ informazzjoni mill-irziezet fuq l-użu tal-mediċini u d-distruzzjoni adegwata ta’ antibijotiċi u prodotti derivati mill-annimali kkontaminati mill-antibijotiċi.  Ġie mqabbad ukoll espert  biex jassisti lid-Dipartiment fuq rekwiżiti ta’ teħid ta’ kampjuni/ittestjar għal stabbilimenti, abbozzar u użu ta’ SOP’s relatati mal-animal-by-products, rimi ta’ demel u kwistjonijiet oħra relatati mar-rimi ta’ animal-by-products  ikkontaminat .

F’din is-sena bdiet issir ukoll evalwazzjoni tar-riskju f’termini ta’ bijosigurtà u iġjene fl-irziezet bil-għan li jiġu żviluppati materjali mmirati għal komunikazzjoni effettiva  u promozzjoni ddisinjati biex irawmu għarfien fuq din il-materja. Huwa ppjanat li  dan ix-xogħol jitkompla fit-2021. L-għan aħħari hu li jkun hemm għarfien dwar l-AMR sabiex tinkoraġġixxi kultura professjonali li tappoġġja l-użu responsabbli u etiku tal-prodotti antimikrobiċi fl-annimali u tkun indirizzata l-kwistjoni tal-AMR f’Malta.

Matul is-sena 2020 komplew jiġu offruti is-servizzi mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, Promozzjoni u Servizzi li jinkludu servizz ta’ ambulanza tal-annimali 24/7 biex tingħata assistenza lill-annimali abbandunati jew imweġġgħin, spezzjonijiet u infurzar tal-liġi relatati ma’ kundizzjonijiet ħżiena fil-ħarsien tal-annimali, abbandun u krudeltà tal-annimali, promozzjoni fl-iskejjel u distribuzzjoni ta’ fondi lill-NGOs u lill-Kunsilli Lokali.

Il-Fond għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jipprovdi assistenza finanzjarja lill-Għaqdiet Volontarji li jaħdmu fi ħdan dan is-settur.  L-għan prinċipali ta’ din l-għotja huwa li tingħata għajnuna sabiex annimali abbandunati miżmuma minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u santwarji jkunu jistgħu joffru l-aqwa kenn u servizz għal dawn l-annimali abbandunati.  Dan il-fond se jiġi estiż għal din is-sena wkoll.

Fis-sena 2020 ingħata appoġġ finanzjarju lill-Kunsilli Lokali permezz tal-iskema LC CARE Project Fund biex jippromwovu inizjattivi u proġetti favur annimali stray inkluż it-twaqqif ta’ Dog Parks u Cat Cafes fid-diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.  Matul din is-sena diversi kunsilli lokali qed iwettqu proġetti li għalihom ingħataw għajnuna minn dan il-fond. Tqassmu wkoll vawċers sabiex issir sterilizzazzjoni ta’ qtates stray f’diversi lokalitajiet.  Anke tul din is-sena qed inkomplu bi programmi bla ħlas ta’ sterilizzazzjoni tal-qtates bil-għan li tkun ikkontrollata l-popolazzjoni tagħhom.  Għalkemm id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, jipprova joffri l-aħjar kura għall-annimal strays qed isir investiment wkoll biex dawn jiġu eventwalment adottati.

Matul 2021 huwa ppjanat li jibda wkoll ix-xogħol fuq l-iżvilupp taċ-Ċimiterju tal-Annimali. Pajjiżna ilu jinħass il-bżonn għal dan iċ-ċimiterju li f’pajjiżi oħra ilu jeżisti snin. Dan il-gvern hu kommess illi jikkondividi l-weġgħa ta’ kull sid ta’ annimal li meta jasal fl-aħħar flok ma jkun kostrett jiddisponi minnu qisu qatt ma eżista, ikun jista’ jpoġġih f’post adattat biex tibqa aktar attiva l-għaqda ta’ bejn is-sid u l-annimal anke wara l-mewt tal-istess annimal domestiku.

Għas-sena 2021, qed jiġi propost ukoll xogħol ta’ tisbiħ fil-kwarantina tal-annimali żgħar.  Din tinsab f’post industrijali viċin l-ajruport u għalhekk tagħmilha aktar faċli l-introduzzjoni ta’ annimali domestiċi li jidħlu Malta li jkollhom nuqqasijiet sanitarji skont ir-Regolament 576/2013 fuq ir-rekwiżit ta’ movimenti mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll minn pajjiżi terzi.

Dan hu kollu possibli bis-saħħa tal-ħidma bla waqfien li sar u qed isir min-naħa tal-Ministeru u tad-dipartiment biex b’hekk inkomplu naħdmu id f’id u nkomplu nġibu r-riżultati għolja li jixraqlu dan is-settur.

Share With: