“It-tfal ma jistgħux jibqgħu jitilfu t-tagħlim li hu tagħhom bi dritt” – Għalliema

“Għalkemm jiena membru fl-union, għażilt li nirrapporta għax-xogħol għaliex inħoss li huwa dover li noffri s-servizzi tiegħi lit-tfal tiegħi.” Hekk iddikjarat ma’ dan is-sit, Deborah Debono, għalliema ġewwa skola primarja. Sostniet li post it-tfal huwa l-iskola.

Debono qaltilna: “Is-sena l-oħra ħadd ma kien ippjanat li se jgħallem online, imma għalkemm ħdimt qatigħ biex nagħti lezzjonijiet online bl-aħjar mod possibbli nammetti li t-tfal xorta tilfu xi ftit.”

Żiedet tgħid: “Is-sillabu din is-sena għasarnih kemm flaħna biex deffisna l-essenzjali u minħabba li t-tfal bdew skola tard komplew jitilfu. Ma jistax ikun ikomplu jitilfu t-tagħlim li hu tagħhom bi dritt. Jiena naqbel li forsi kien hemm min ma segwiex il-pariri mogħtija mill-awtoritajiet waqt il-vaganzi, u li forsi nistgħu nkunu f’periklu, pero kull xogħol ieħor baqa’ għaddej bħal fost l-oħrajn l-isptar u supermarkets. Stajna forsi nagħmlu online lessons sal-aħħar ta’ Jannar imma post it-tfal huwa l-iskola. Għalhekk jien ma naqbilx mal-istrajk u ġejt xogħol xorta.”

Dan qalitu fl-isfond li l-Erbgħa filgħaxija, l-Union tal-Għalliema (MUT) iddikjarat strajk ta’ jumejn. Wara ftit minuti li ħarġet l-aħbar, għadd ta’ edukaturi ddikjaraw fuq il-midja soċjali li huma xorta waħda se jkunu qed jidħlu l-iskola fosthom l-edukatriċi u s-Sindku ta’ Bormla Alison Zerafa Civelli. Qalet li għax hi jimpurtaha mill-istudenti tagħha u mill-ġenituri tagħhom, xorta kienet sejra tagħmel xogħolha bħal kull ħaddiem ieħor. Hija kitbet: “Sejra l-iskola… tgħid x’tgħid l-union. Jien nisma mill-awtoritajiet. MUT żommu quddiem għajnejkom il-ġid ta’ uliedna wkoll.”

Anke l-Kap tal-Iskola Mariam Al Batool, Kenneth Busuttil, l-Erbgħa filgħaxija qal li bħala kap ta’ skola jinsab kburi u kuntent li kważi l-istaff kollu se jidħol għax-xogħol. Busuttil qal: “Xogħolna huwa li nedukaw u li nieħdu ħsieb lit-tfal waqt li jkunu skola.” Fost l-oħrajn, anke l-għalliem tal-matematika Gordon Tirchett ddikjara li kien dieħel għax-xogħol.

Share With: