It-tilqim fid-djar tal-anzjani mistenni jieħu xahar

Wara li beda jingħata fir-residenza San Vinċenz de Paul, mill-Ħamis ikun imiss id-djar tal-anzjani l-oħra, bl-ewwel waħda tkun dik tal-Mellieħa

Minn Claudio Coleiro

Il-Gvern qed jimmira li fi żmien xahar jagħti t-tilqima kontra l-Covid-19 lir-residenti kollha fid-djar tal-anzjani u lill-istaff li jieħdu ħsiebhom.

Sostna dan il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia f’kummenti li ta lil dan il-ġurnal b’rabta mal-proċess tat-tilqim li qed jingħata fid-djar tal-anzjani.

Wara illi fl-1 ta’ Jannar it-tilqima bdiet tingħata fir-residenza San Vinċenz de Paul, mill-Ħamis li ġej se tibda tingħata lid-djar tal-anzjani l-oħra bl-ewwel waħda se tkun dik tal-Mellieħa.

Il-Ministru Farrugia spjega li bħalissa għaddej taħriġ teoretiku ma’ persuni li se jkunu qed jagħtu t-tilqima fid-djar tal-anzjani. Qal li: “bħala Dipartiment se nkunu qed nibdew id-djar tal-anzjani tal-Gvern u mingħand min nixtru mill-privat. Se nibdew l-ewwel waħda nhar il-Ħamis mill-Mellieħa fejn se nagħtu 70 doża maqsuma bejn anzjani u staff.”

Huwa żied jgħid li mbagħad l-għada, tingħata t-tilqima f’dar oħra u l-proċess jissokta b’dan il-mod. Dan qed isir biex ikun assigurat li ma jkunx hemm ħafna staff li joħorġu bis-sick leave jekk jitlgħalhom xi ftit deni, side-effect komuni wara t-tilqima. 

Dr Farrugia tenna wkoll li l-awtorità li hi fuq l-istandards se tkun qiegħda tikkordina d-djar tal-anzjani privati. “Qed nipprovaw li jekk jista’ jkun fi żmien xahar inlestu, dejjem jiddependi skont l-ammont ta’ dożi li nkunu qed ningħataw.”

L-ewwel anzjana f’pajjiżna li rċeviet il-vaċċin tal-Covid-19 hija Mary Pizzuto li hija residenta f’San Vinċenz de Paul. Pizzuto li għandha 94 sena, ngħatat il-vaċċin il-Ġimgħa li għadda fis-Sala Ġwanni Pawlu II. 

Dan is-sit jinsab infurmat li sal-bieraħ kienu ngħataw 250 tilqima lil anzjani u staff fir-residenza San Vinċenz.

Share With: