It-tilqima “urġenti” lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika; Il-MAM newtrali, l-MUMN taqbel

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) m’għandhiex pożizzjoni dwar jekk is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci għandhix tkun minn tal-ewwel li tieħu t-tilqima kontra l-Covid19 mentri l-Unjin tal-Qwiebel u l-Infermieri (MUMN) hija favur.

Il-kwistjoni spiċċat ingħatat xeħta politika hekk kif Kristina Chetcuti, is-sieħba tal-eks-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, insistiet li għandha teħodha waqt xandira diretta fuq it-televiżjoni biex tikkonvinċi lin-nies mill-effettività tagħha bil-Prim Ministru Robert Abela jikkritikaha għall-istess kummenti.

Dan is-sit talab ir-reazzjoni tal-President tal-MAM Martin Balzan u dak tal-President tal-MUMN Paul Pace biex jara kif jaħsbuha dwar din il-kwistjoni.

Dr Balzan irrimarka li kemm jekk il-Professur Charmaine Gauci tieħu t-tilqima kif ukoll jekk le se tispiċċa ikkritikata minn xi ħadd jew ieħor għax jekk teħodha jaf ikun hemm min jgħid li qed tingħatalha qabel persuni oħra u jekk ma teħodhiex jaf ikun minn jiddubita mir-raġuni.

Waqt li sostna li din qisha munita b’żewġ faċċati, Dr Balzan sostna li sa fejn jaf hu l-‘frontliners’ fil-ġlieda kontra l-Covid19 ħaduha u sostna kif huwa u kollegi tiegħu fil-MAM li jaħdmu mal-pazjenti ħaduha.

Fl-istess waqt il-President tal-MAM għamilha ċara li importanti li l-awtoritajiet tas-saħħa jgħidu b’mod ċar x’għandhom f’moħħhom f’dan ir-rigward.

Dwar il-pass li bih qed jingħata t-tilqima Dr Balzan qalilna li dan issa jiddependi minn kemm vaċċini jaslu Malta u mill-organizzazzjoni fl-għoti tat-tilqima.

Huwa irrimarka li hemm problemi fl-organizzazzjoni dovuta l-aktar għax hemm persuni, fosthom anzjani, li qed imorru għaliha anke sa sagħtejn qabel mill-ħin li jingħataw.

Dan qed iwassal biex jew huma qed ikollhom jistennew sakemm tingħatalhom it-tilqima inkella nies oħra li qed imorru fil-ħin qed jispiċċaw jistennew minħabba f’hekk.

Dr Balzan issuġġerixxa li minbarra kampanja ta’ edukazzjoni jsir kuntatt mal-anzjani li bħalissa qed jingħataw l-appuntament għat-tilqim biex jiġi stabbilit għandhomx xi problema biex jattendu.

Huwa insista li l-pożizzjoni tagħhom dwar it-tilqim hija li ma jkunx hemm tilqim fil-friża għalxejn fis-sens li t-tieni doża għal dawk li diġà ħadu l-ewwel waħda iva imma mhux dożi li għad irid jingħataw bħala l-ewwel waħda.

Fl-istess waqt il-President tal-MAM saħaq li żgur irid jiżdied in-numru ta’ tilqim jekk Malta trid li tilħaq il-mira li sa Mejju li ġej ikollna l-‘herd immunity’.

Paul Pace (MUMN): “l-infermieri jifilħu jagħtu sa 80 tilqima kuljum”

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MUMN qalilna li huwa jaqbel li l-Professur Gauci tkun minn fost tal-ewwel li tieħu t-tilqima għax għalkemm fil-pajjiż m’hawnx daqshekk xettiċiżmu dwarha xorta tkun qed tagħmel kuraġġ lin-nies.

Huwa sostna li għalkemm jista’ jkun hawn min jgħid li mhix ‘frontliner’, fis-sens li mhix f’kuntatt dirett ma’ persuni li jistgħu jkunu infettati, bl-istess raġunament anke Dr Chris Barbara ma kellux jieħu t-tilqima ma’ tal-ewwel għax jaħdem f’laboratorju.

Dwar l-andament tal-għoti tat-tilqim, Pace qalilna li l-MUMN iltaqgħat mal-infermieri membri tagħha li jaħdmu fiċ-ċentri tas-saħħa u rriżulta li dawn jistgħu jagħtu sa 80 tilqima kuljum.

Il-President tal-MUMN insista li inutli li l-awtoritajiet tas-saħħa jippretendu minnhom li jagħtu aktar tilqim għax dan mhux se jkun possibbli fis-sitwazzjoni preżenti fejn mat-tilqim tal-Covid iridu jagħtu s-servizzi l-oħra.

Pace ilmenta li l-ispiżjara mhux jgħinuhom iħalltu t-tilqima bil-konsegwenza li dan ix-xogħol qed jagħmluh huma u allura jkun hemm bżonn żewġ infermieri li jagħmlu dan ix-xogħol u tnejn oħra li jagħtuha.

Huwa qalilna li wara li tkellm mal-membri l-Erbgħa se jkollhom laqgħat mal-awtoritajiet tas-saħħa responsabbli miċ-ċentri tas-saħħa biex jiddiskutu s-sitwazzjoni.

Pace għamilha ċara li huwa mhux jgħid dan b’kapriċċ imma għax kulħadd irid jifhem li l-infermieri ma jagħmlux mirakli u meta jkollok nies anzjani u morda iktar u iktar trid toqgħod attent meta tagħti t-tilqima.

Share With: