Ix-xandar popolari Larry King imut fl-età ta’ 87 sena

Ix-xandar popolari Amerikan Larry King miet fl-età ta’ 87 sena f’Los Angeles.

Kumpanija tal-produzzjoni li tagħha kien il-ko-fundatur, Ora Media, ma tatx dettalji dwar il-kaġun tal-mewt ta’ King. Madankollu rapporti fil-midja kienu jgħidu li King kien ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat jissielet kontra l-Covid-19, u matul dawn l-aħħar snin kien sofra minn diversi problemi ta’ saħħa, fosthom puplesija fl-2019 li kważi swietlu ħajtu.

L-istazzjon CNN qal li King kien ilu rikoverat fl-isptar ta’ Cedars Sinai Medical Center, f’Los Angeles, għal aktar minn ġimgħa.

Il-karriera ta’ King fuq ir-radju u t-televiżjoni kienet mifruxa fuq aktar minn 60 sena.

L-intervisti ta’ King ma’ mexxejja dinjin, persuni mil-industrija tal-intratteniment u ċelebritajiet oħrajn kienu segwiti minn miljuni.

Share With: