Iżlanda: L-art tan-nar u tas-silġ

L-Iżlanda hija magħrufa għall-pajsaġġi kontrastanti tagħha fejn min-naħa huwa pajjiż li jidher li huwa perpetwalment mgħotti bis-silġ, iżda taħt l-art hija storja differenti. Fil-fatt l-Iżlanda hija waħda mill-aktar reġjuni vulkaniċi fid-dinja. Tant huwa hekk li hemm aktar minn 125 muntanja vulkanika fil-pajjiż, numru żgħir minnhom għadu attiv ħafna. Apparti minn vulkani u lagi ġeotermali, tista’ ssib muntanji kbar tas-silġ u glaciers (blokka kbira ta’ silġ), għerien taħt l-art u parks nazzjonali ideali għal passiġġata u trekking.

Dan il-kuntrast ifisser ukoll li hawnhekk issib ammont kbir ta’ attività ġeotermali li wasslet għal spas famużi bħall-Blue Lagoon u pixxini oħra tal-ilma sħun. Jekk tħobb l-ibliet, allura tista’ tgawdi l-kapitali ta’ Reykjavik, imma jekk int dilettant tan-natura allura dan il-post huwa assolutament ideali biex iżżuru fejn hawnhekk issib tliet parks nazzjonali: il-Park Nazzjonali Vatnajökull, il-Park Nazzjonali Snæfellsjökull u l-Park Nazzjonali Þingvellir.

L-Iżlanda għandha popolazzjoni ta’ madwar 356,991, li jagħmilha l-iktar pajjiż b’popolazzjoni baxxa fl-Ewropa. Dan il-pajjiż ġeneralment huwa nkluż fl-Ewropa għal raġunijiet ġeografiċi, storiċi, politiċi, kulturali, lingwistiċi u prattiċi. Hija wkoll t-18-il gżira l-akbar fid-dinja, u t-tieni l-akbar gżira tal-Ewropa wara l-Gran Brittanja. Madwar 30 gżira minuri jinsabu fl-Iżlanda, inkluż il-Grímsey b’popolazzjoni żgħira u l-arċipelagu Vestmannaeyjar. 

Lingwa…aktar minn 150 modi biex tiddeskrivi r-riħ

Filwaqt li l-lingwa hija viċin ħafna tad-Daniż u n-Norveġiż, il-lingwa Iżlandiża tibqa’ totalment unika. B’differenza għal lingwi oħra li nbidlu drastikament matul is-sekli, il-lingwa Iżlandiża baqgħet viċin ħafna tal-għeruq oriġinali tagħha. 

Bibbja mill-bidu tal-1500 (l-ewwel waħda stampata bl-Iżlandiż, li tista’ tinstab f’mużew folkloristiku fi Skógar) xorta tista’ tinqara faċilment mill-Iżlandiżi llum. Fatt interessanti huwa li l-lingwa Iżlandiża għandha ħafna kliem biex tiddeskrivi t-temp – inklużi aktar minn 150 modi differenti biex tiddeskrivi r-riħ.

Ikel tradizzjonali u dak ‘stramb’

L-Iżlanda hija mdawra bl-oċean, allura m’għandhiex tkun sorpriża li l-ħut u l-frott tal-baħar huma parti kbira mill-kċina tradizzjonali. L-għeruq tal-kċina tal-Iżlanda jiġu mill-kċina Skandinava wara li n-Norveġiżi Vikingi stabbilixxew hawn matul is-seklu 9 u ‘l quddiem. Ħafna mill-ikel tradizzjonali Iżlandiż huwa marbut mal-ħut, ħalib, ħobż, patata u ħaruf. Flimkien ma’ affarijiet bħal ħut imnixxef, il-viżitaturi jistgħu wkoll jippruvaw kelb il-baħar iffermentat u ras tan-nagħaġ. Jingħad ukoll li f’ċerti każijiet kont issib ukoll testikoli tal-muntun imnaddfin u stonku tal-ħut mimli bil-fwied.

Il-birra tant għażiża…

L-Iżlanda tiċċelebra Jum il-Birra (Bjórdagurinn) kull sena fl-1 ta’ Marzu. Dan biex jiċċelebraw il-fatt li l-birra saret legali fl-Iżlanda. Mill-1 ta’ Jannar, 1915 sal-1 ta’ Marzu, 1989, jiġifieri 74 sena, il-birra kienet ġiet ipprojbita fil-pajjiż.

Postijiet u attrazzjonijiet ġewwa l-Iżlanda

1. Żur il-park nazzjonali ta’ Snæfellsjökull: Il-Park Nazzjonali Snæfellsjökull qiegħed fuq il-Peniżola Snæfellsnes u huwa magħruf l-iktar għall-glacier msejjaħ Snæfellsjökull. Is-sit jattira wkoll firxa wiesgħa ta’ flora u fawna lokali. Dawk li jħobbu n-natura jistgħu jmorru jaraw il-baleni u dawk li jħobbu jammiraw l-għasafar isibu għadd kbir ta’ speċi kostali lokali. Il-Bajja ta’ Djúpalón fil-Park Nazzjonali ta’ Snæfellsjökull hija famuża għar-ramel iswed u l-formazzjonijiet kreattivi tal-blat, li wħud minnhom jingħad li qishom trolls.

2. Għum fil-blue lagoon: Il-Blue Lagoon hija probabbilment l-iktar attrazzjoni famuża fl-Iżlanda. Din hija spa ġeotermali li hija magħmula minn ilma tal-baħar imsaħħan u li għandha kulur ta’ lewn impressjonanti. Din il-laguna mhix f’Reykjavik iżda fi Grindavík, li jinsab viċin l-ajruport u madwar 45 minuta minn Reykjavik. It-temperatura medja tal-ilma hija ta’ 39°C is-sena kollha.

L-istorja ta’ din il-laguna tmur lura għall-1976 meta ffurmat ħdejn l-impjant tal-enerġija ġeotermali, Svartsengi. Kuntrarju għat-twemmin ta’ ħafna nies, il-laguna mhix nixxiegħa sħuna naturali iżda għadira maħluqa minn struttura magħmula mill-bniedem.

3. Immeravilja ruħek bil-kuluri tan-Northern Lights: Jingħad li l-Iżlanda hija waħda mill-aqwa destinazzjonijiet fid-dinja jekk trid tara n-Northern Lights, magħrufa wkoll bħala Aurora Borealis. Jekk int xortik tajba ħafna tista’ saħansitra tarahom mill-belt kapitali ta’ Reykjavik, għalkemm l-aħjar huwa li tivvjaġġa lejn Seltjarnarnes fejn hemm ċans ferm akbar ta’ suċċess ‘il bogħod mit-tniġġis tad-dawl.

4. Ammira d-Dynjandi Waterfall: Dynjandi hija magħrufa bħala waħda mill-isbaħ kaskati fil-parti tal-Westfjords tal-Iżlanda u tinsab fuq il-Bajja ta’ Dynjandivogur. Iż-żona fejn tinsab l-kaskata hija riżerva naturali protetta u hemm ukoll żona għall-ikkampjar jekk tixtieq tibqa’ għal ftit ħin itwal.

5. Ara l-annimali fuq Puffin Island: Nofs mil ‘il bogħod mill-belt kapitali Reykjavik hemm il-gżejjer ta’ Akurey u Lundey li huma magħrufa għall-kolonji sbieħ tal-għasafar magħrufa bħala Puffins. Minn dawn it-tnejn, Akurey hija aktar famuża peress li għandha l-akbar popolazzjoni ta’ Puffins u tista’ tara wkoll għadd kbir ta’ annimali selvaġġi oħra nkluż il-gawwi, il-cormorants u l-papri. Il-gżira mhix abitata imma tista’ tmur hemm permezz ta’ dgħajsa.

Kif in-nies fl-Iżlanda jsajru l-ħobż taħt l-art?

In-nies fl-Iżlanda għandhom tradizzjoni li tmur lura bosta snin – dik li jsajru l-ħobż tas-segala, magħruf bħala Rugbraud, permezz tal-kurrenti ġeotermali fl-art.

Fil-passat, l-għaġina kienet tiġi ffurmata f’kaxxi tal-ħalib vojta. Il-kartuna kienet tiġi midfuna ħdejn il-hot springs naturali u titħalla l-ġurnata kollha biex il-ħobż jinħema mill-kurrenti ġeotermali fl-art. L-Iżlanda għandha riżorsi rinnovabbli tal-għaġeb, b’żewġ terzi tal-enerġija tagħhom ġejja minn dak ġeotermali.

Filwaqt li l-kartun tal-ħalib fil-biċċa l-kbira ġie aġġornat għal laned issiġillati, ftit familji u xi kafetteriji lokali għadhom isajru l-ħobż tagħhom b’dan il-mod. 

It-temperatura tiġi għal madwar 97°C meta l-ħobż jibda jinħema fit-toqba li ssir fl-art. Ir-reċipjent jiġi mgħaddas fir-ramel, mgħotti u titpoġġa ġebla fuqu biex timmarka l-post fejn il-ħobż qiegħed jinħema. Il-proċess kollu jieħu madwar 24 siegħa. Dan il-ħobż dens għandu ħjiel ta’ karamella, grazzi għall-golden syrup. L-aħjar li jiġi servut huwa sħun, saħansitra aħjar bi ftit butir jew salamun affumikat

Share With: