Jeħel il-ħabs fuq droga wara tmien snin mir-reat

Ġuvni kien ikkundannat tliet xhur ħabs u €650 multa wara li nstab ħati ta’ traffikar ta’ droga.

Jean Marc Dalli, ta’ 26 sena minn Wied il-Għajn, kien mixli li fil-lejl ta’ bejn it-8 u d-9 ta’ Settembru 2013, u fix-xhur ta’ qabel, f’Raħal Ġdid kellu fil-pussess tiegħu l-ecstasy u ittraffikaha.

Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras irriżulta li Dalli ntalab minn żagħżugħ ieħor iġiblu sitt pilloli ecstasy u peress li kien jaf wieħed li mingħandu kien jixtrihom xtrahom għal sieħbu u talbu l-istess ammont li kien ħallas lil min ipprovda d-droga.

Id-droga kienet traffikata f’Kordin fejn matul il-lejl imsemmi kien qed jiġi organizzat party fil-Ħabs l-Antik bl-imsemmija maġistrat tgħid li dan ma kienx każ ta’ traffikar ‘by sharing’.

Meta ġiet biex tagħti l-piena hija qieset, fost oħrajn, in-numru ta’ pilloli ecstasy traffikati u l-fatt li Dalli ikkopera mal-Pulizija dwar dan il-każ li kien investigat mill-Ispettur Gabriel Micallef.

Share With: