Jitħabbru l-miżuri tal-Baġit għat-trasport li ġew fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2021

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastuttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar il-miżuri li ġew implimentati mill-1 ta’ Jannar 2021, f’konformità ma’ dak li kien tħabbar fil-baġit ta’ din is-sena.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Rigward trasport fuq l-art, l-għajta tagħna tibqa’ favur il-mixja gradwali lejn vetturi aktar nodfa, vetturi fost l-oħrajn li huma elettriċi. Però huwa veru li ma nistgħux ninċentivaw lin-nies biex jinvestu f’vetturi elettriċi jekk ma nkomplux nikkumplimentaw dan b’investiment fl-infrastruttura neċessarja. B’hekk, b’konformità ma’ dak li ħabbarna fil-baġit tas-sena l-oħra, dawn il-miżuri se jsarrfu f’tarġa oħra li se twassal għall-viżjoni ċara ta’ dan il-gvern favur trasport aktar sostenibbli u effiċjenti. Ninsab kommess u nħares ’il quddiem għal sena oħra ta’ ħidma kontinwa għal aktar żvilupp u tkabbir sostenibbli mhux biss fis-settur tat-trasport iżda anke f’setturi oħra sabiex il-frott ta’ din il-ħidma titgawda u tinħass mill-poplu kollu Malti u Għawdxi minn kull sfera tas-soċjetà”.

Il-miżuri baġitarji applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2021 huma dawn:

1.              Skema ta’ vetturi ta’ pjanċi b’marki ta’ reġistrazzjoni ħomor għal karozzi u muturi użati biss matul il-weekend u l-festi pubbliċi/nazzjonali

Is-sidien kollha ta’ vetturi liċenzjati, inklużi s-sidien ta’ muturi liċenzjati, jistgħu japplikaw biex il-vetturi tagħhom ikunu liċenzjati għall-użu fi tmiem il-ġimgħa u festi pubbliċi biss u jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ 65% fuq il-ħlas annwali tal-liċenzja taċ-ċirkolazzjoni tagħhom. Vetturi li jibbenefikaw minn din l-iskema għandu jkollhom il-pjanċi tar-reġistrazzjoni tagħhom mibdula b’oħrajn li jkollhom marki ta’ reġistrazzjoni ħomor. Il-vetturi kollha li jkollhom dawn il-pjanċi għandhom jibqgħu garaxxjati bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa sas-6.00 pm.

2.         Vetturi bi pjanċi b’marki ta’ reġistrazzjoni ħomor jistgħu jintużaw ukoll il-Ġimgħa wara s-6.00pm

Il-vetturi kollha liċenzjati, inklużi muturi, li huma rreġistrati mal-Awtorità biex jintużaw biss fi tmiem il-ġimgħa u festi pubbliċi / nazzjonali, issa jistgħu jintużaw ukoll il-Ġimgħa wara s-6.00pm.

3.         Muturi

Il-ħlas annwali tal-liċenzja taċ-ċirkolazzjoni għal muturi b’kapaċità kubika bejn 125cc u 250cc se jitnaqqas minn €65 għal €25 fis-sena.

4.         Vetturi vintage

Vettura vintage li vvjaġġat distanza ta’ aktar minn tlett elef kilometru (3,000 km) fuq l-odometru f’sena mill-aħħar tiġdid tal-liċenzja tagħha, jew li fuq perjodu ta’ sentejn ivvjaġġat distanza medja ta’ aktar minn tlett elef kilometru (3,000 km) fis-sena, mat-tiġdid tal-liċenzja tagħha tkun soġġetta għall-ħlas tal-miżata sħiħa tal-liċenzja tat-triq għal dik is-sena jew snin flimkien mal-miżata amministrattiva ta’ €8.

5.         Taxxa ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi ġodda u reġim ta’ ħlas tal-liċenzja mill-1 ta’ Jannar 2021 għal vetturi b’valuri ġodda ta’ emissjonijiet ta’ CO₂

Karozzi ġodda ċċertifikati mill-manifattur skont il-Worldwide Harmonized Light Vehicle Test Procedure (WLTP) u li għandhom valuri ta’ emissjonijiet ta’ CO₂ ta’ WLTP jistgħu jibbenefikaw minn rati aktar baxxi ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni u ta’ liċenzja. Mill-1 ta’ Jannar 2021, Transport Malta introduċiet reġim ġdid ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi u tariffa ta’ liċenzja bbażata fuq valuri CO₂ WLTP li jew ikollhom impatt newtrali jew pożittiv – f’termini ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni aktar baxxa u tariffi ta’ liċenzja – fuq il-konsumaturi.

6.         Vetturi kummerċjali standard USED EURO 5 manifatturati bejn is-snin 2011 u 2015 u li għandhom massa massima li ma taqbiżx it-3.5 tunellati

It-taxxa tar-reġistrazzjoni attwali applikabbli għal vetturi kummerċjali li għandhom massa massima li ma taqbiżx it-3.5 tunellati hija dinamika u tiddependi fuq l-aħħar standards tal-Euro. L-aħħar Euro standard għal vetturi bħal dawn m’għadux Euro 5 imma Euro 6 u għalhekk; il-kalkolu tat-taxxa tar-reġistrazzjoni għal vetturi kummerċjali standard USED EURO 5 li għandhom massa massima li ma taqbiżx it-3.5 tunellati u li kienu manifatturati bejn l-2011 u l-2015 għandu jinbidel. Vetturi kummerċjali standard Euro 6 ġodda u użati għandhom ikomplu jitħallsu l-istess taxxa ta’ reġistrazzjoni.

7.         Skemi ta’ għotja

Transport Malta bħalissa tinsab fil-proċess li toħroġ mill-ġdid skemi ta’ għotjiet finanzjarji li kienu fis-seħħ is-sena l-oħra, filwaqt li tintroduċi oħrajn ġodda. Dawn għandhom jinkludu għotjiet finanzjarji għall-konverżjoni ta’ vetturi għal autogas u t-tagħmir mill-ġdid ta’ vetturi tqal b’sistemi ta’ Heavy Duty Duel Fuel (HDDF); skema ta’ skrappjar għal karozzi konvenzjonali; għotjiet finanzjarji għax-xiri ta’ vetturi elettriċi, inklużi muturi minn individwi privati, NGOs irreġistrati u kumpaniji privati; u għotjiet finanzjarji għax-xiri ta’ vetturi ġodda aċċessibbli għas-siġġu tar-roti għat-trasport tal-passiġġieri.

8.         Bus 70+

Il-miżuri eżistenti sal-31 ta’ Diċembru, 2020 ta’ nies li kienu jivvjaġġaw b’xejn meta jużaw trasport pubbliku skedat kienu jinkludu; persuni bejn l-etajiet ta’ 14 u 20 sena, studenti ta’ 21 sena u aktar, persuni b’diżabilità u persuni ta’ 75 sena jew aktar. Issa, mill-1 ta’ Jannar 2021, il-miżura qed tiġi estiża biex tinkludi persuni ta’ bejn is-70 u l-74 sena ukoll. B’hekk din se tkun qed twassal għal ftit iktar minn 28,000 anzjan/a oħra, apparti dawk li diġà jibbenefikaw, biex ikunu eliġibbli għal din il-miżura sabiex jibbenefikaw minn trasport pubbliku b’xejn. Il-miżura taħdem bħall-miżuri preċedenti jiġifieri fuq bażi ta’ rifużjoni. Din tfisser li l-ammont li ntefaq fuq l-ivvjaġġar matul xahar wieħed jitħallas lura bħala kreditu fuq tallinja card ix-xahar ta’ wara. Din se tkun miżura li se tkompi tgħin lill-anzjani finanzjarjament apparti żieda oħra fil-pensjonijiet.

Share With: