Alfred Sant

Jitkażaw bina

Minn Dr Alfred Sant

Dwejjaq tqanqal dan l-argument, imma m’hemmx x’tagħmel: hu argument li jgħodd!

Pajjiżna u l-gvern tiegħu ilhom jaqilgħu… bl-għajnuna ta’ nies onorabbli fostna… ċamati dwar il-governanza. Għalkemm il-paraguni huma odjużi, ma tistax ma tistaqsix jekk minn fejn qed jitwaddbu l-ġebel, jinsabux jgħixu magħluqa bil-ħġieġ.

Rajna d-dvernja maħluqa mill-President Trump fl-Istati Uniti għax ma riedx jaċċetta li tilef elezzjoni. Ma nafx li qatt rajt dan largument jintuża f’Malta sa issa, ħlief wara l-elezzjoni tal-1981, meta l-PN kien baqa’ fl-Oppożizzjoni. Biss dakinhar, għalkemm kollox mexa skont il-Kostituzzjoni ta’ dak iż-żmien, veru li l-PN kien ġab il-maġġoranza assoluta tal-voti fil-pajjiż kollu. Mhux hekk fil-kas ta’ Trump.

Fi Spanja, l-eks Re nkixef li ħeba ballel ta’ flus li ddobba mill-Golf Għarbi. Fi Franza kellna l-kas tal-eks President Sarkozy li aktar minn għaxar snin tard, qed jiġi akkużat li rċieva bil-moħbi flejjes mingħand Ghaddafi fil-Libja. Fil-Ġermanja, għal kważi għaxar snin, il-kumpanija Wirecard tħalliet tiddieħek bin-nies u tobrom bi frodi aktar minn biljun u nofs ewro.

***

Plastik

Nammetti li mhux dejjem nifhem tajjeb id-differenza bejn il-plastik li nużaw “għal darba” biss, u l-plastik l-ieħor.

Naqbel mad-deċiżjoni biex l-użu ta’ dal-plastik jitwaqqaf għal kollox.

Biss wieħed ma jistax ma jinnotax kif matul is-snin, f’isem l-għaqda Ewropea u s-“suq wieħed” Ewropew, pajjiżi li jinsabu jew se jidħlu fl-Unjoni Ewropea kienu obbligati jiftħu l-bieb beraħ għall-użu tal-plastik minflok ħġieġ. Issa l-ħġieġ dak iż-żmien diġà kien jiġi riċiklat. Imma l-insistenza kienet li għandu jinħoloq suq wieħed… u allura l-plastik kellu jingħata kull spazju biex jinfirex… skont l-istess regoli komuni fis-suq wieħed Ewropew.

Regoli li aġevolaw il-ġbir ta’ fliexken tal-ħġieġ biex jerġgħu jintużaw mill-konsumatur kellhom jiġu skartati. Kienu qamu l-irwiefen għax sħabi u jien ikkontestajna dil-ħaġa.

Illum l-Unjoni Ewropea nnifisha qed tgħid il-maqlub ta’ x’kienet tinsisti fuqu dakinhar.

***

Kontra Iżrael?

Fl-aħħar snin, intesiet jew tnessiet id-differenza fondamentali bejn li ma tkunx taqbel mal-politika tal-istat ta’ Iżrael u li tkun “kontra” l-Lhud, anti-semita.

Id-differenza trid terġa’ tiġi affermata. Nista’ nkun… u jien… kontra l-politika ta’ Iżrael fin-naħa ta’ Gaza u kontra għal kollox il-politika tal-gvern tal-ġurnata hemmhekk biex jaġevola kemm jista lil dawk li qed jaħtfu l-artijiet “battala”. Imma li dil-ħaġa tagħmilni anti-semita, “kontra” l-Lhud, hi ħrafa mill-bidu sal-aħħar li għall-gvern ta’ Netanyahu jidher li tagħmel sens bħala għodda ta’ propaganda.

Dan mhuwiex mod tajjeb kif Iżrael jagħmel il-ħbieb li jibqgħu tassew ħbieb u mhux jiġġenbu lejh b’opportuniżmu.

Share With: