Jitlaqqa’ għall-ewwel darba l-bord tal-Fondazzjoni għat-Trasport – Jiġu diskussi pjani prospettivi għas-settur tat-trasport

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg indirizza l-ewwel laqgħa tal-bord tal-Fondazzjoni għat-Trasport fejn ġew diskussi pjani prospettivi għas-settur tat-trasport.

Il-Ministru Ian Borg awgura lil kull wieħed u waħda mill-membri ta’ din il-fondazzjoni u wassal messaġġ favur proattività u għaqda sabiex jitwassal is-suċċess mistħoqq fis-settur tat-trasport.

“It-trasport kien u jibqa’ pilastru ewlieni għall-ekonomija Maltija. Minkejja l-isfidi li ġabet magħha il-pandemija, kien dan is-settur, fost oħrajn, li għen sabiex l-ekonomija ta’ pajjiżna setgħet tkompli ddur u biex pajjiżna seta’ jibqa’ għaddej b’mod normali. Dawn il-laqgħat se jkunu essenzjali sabiex noffru l-vijabilità, is-sostenibbilità u s-sikurezza lis-settur tat-trasport. Din il-fondazzjoni se tkun strumentali sabiex nibdew nibnu dak is-sens ta’ intermodalità fil-poplu. Hija prijorità għal dan il-Gvern li jwettaq il-viżjoni tiegħu f’dak li hu trasport kemm fuq bażi ta’ objettivi skedati għal 2030 kif ukoll l-istrateġiji tal-2050 għall-adozzjoni ta’ modi ta’ trasport aktar ekoloġiċi u nodfa u nemmen li dawn il-laqgħat se jkunu pass ieħor li se jwasslu għal dan.”, qal il-Ministru Ian Borg.

Din il-fondazzjoni se tkun qed ittejjeb il-ħiliet tal-impjegati attwali u futuri ta’ dan is-settur, se tkun qiegħda gradwalment, iżda b’mod kostanti, tibni portafoll ta’ inizjattivi li jirriflettu l-impatt ta’ teknoloġiji ġodda fit-trasport u se tkun qed taħdem ma’ diversi partijiet interessati sabiex tkun sors importanti li twassal l-informazzjoni lill-pubbliku ġenerali dwar teknoloġiji ġodda.

B’din il-fondazzjoni se jkunu qed jiġu diskussi u indirizzati l-aspetti kollha tas-settur tat-trasport fosthom ukoll suġġetti bħal l-għajnuna meħtieġa lin-nies bi sfidi ta’ mobbiltà sabiex jkollhom esperjenza aktar faċli u bla xkiel.

Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Fondazzjoni huwa li tingħaqad ma’ stakeholders internazzjonali sabiex tinbena relazzjoni b’saħħitha u jinħoloq netwerk dinamiku fejn jiġu pprattikati r-riċerka u l-innovazzjoni li jwasslu għar-riżultati pożittivi u titjib fis-settur tat-trasport.

Share With: