Jitressaq il-Qorti fuq droga r-raġel li allegatament ta n-nar lill-ark ta’ San Publiju

Bjorn Grima ta’ 35 sena minn Tas-Sliema tressaq fil-Qorti fejn ġie mixli bil-pussess aggravat tal-kokaina, wara li 30 gramma tal-istess droga nstabet fil-karozza tiegħu waqt li kien fi triqtu lejn Għawdex mat-tfajla tiegħu.
Huwa kien arrestat l-Erbgħa, għall-ħabta tas-6.00 p.m., ħdejn it-terminal taċ-Ċirkewwa. Minbarra l-pussess tad-droga, huwa kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.
Grima kien barra fuq pleġġ wara li tressaq il-Qorti fl-2019 u ġie akkużat li kkawża nirien li wasslu għall-qerda totali tal-ark ta’ San Publiju fil-Floriana. Kawża tal-istess nirien kienu nqerdu wkoll erba’ karozzi.
L-imputat tressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech b’rabta mas-sejba tad-droga fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona għal din l-istess talba.
L-Avukati Difensuri argumentaw li l-imputat għadu preżunt innoċenti u li l-unika xhud ċivili tal-Prosekuzzjoni kienet it-tfajla tiegħu, li diġa’ stqarret mal-pulizija li ma kienet taf xejn dwar id-drogi.
Il-Qorti eventwalment tatu l-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €5,000 u garanzja personali ta’ €5,000.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Alfredo Mangion. L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru għal Grima.

Share With: