Josianne Cutajar b’aktar ħidma biex tiġi implimentata l-Istrateġija favur in-Negozji Żgħar u Medji

Wara vot b’saħħtu fil-Parlament Ewropew f’Diċembru li għadda għar-Rapport li mexxiet f’isem il-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, l-Ewroparlamentari Maltija Dr. Josianne Cutajar issa għaddejja b’ħidma kruċjali biex tiżgura l-Istrateġija għan-Negozji Żgħar u Medji tiġi implimentata b’mod sħiħ u effettiv.

Bħala n-negozjatriċi ewlenija fuq dan ir-Rapport, Dr Cutajar ħadmet bis-sħiħ biex dan għadda b’suċċess mill-vot fil-Parlament Ewropew. Iżda l-ħidma tagħha kompliet f’dawn il-jiem hekk kif permezz ta’ mistoqsija Parlamentari, hi talbet lill-Kummissjoni Ewropea biex tkun speċifika dwar il-passi li jmiss biex tiġi implimentata din l-Istrateġija.

Fl-intervent tagħha, Dr Cutajar talbet spjegazzjoni ta’ kif se jitnaqqsu d-diversi piżijiet li bħalissa qed iħabbtu wiċċhom magħhom in-negozji żgħar u medji, u kif il-Kummissjoni fi ħsiebha tindirizza l-isfidi li qed jaffetwaw il-ħidma u l-kompetittività ta’ dawk in-negozji ibbażati fi gżejjer żgħar bħal Malta u Għawdex li allura jiffaċċjaw sfidi li huma uniċi għalihom.

Fost id-domandi tagħha, l-MPE Cutajar talbet spjegazzjoni dwar kif il-Kummissjoni Ewropea se tiżgura li n-negozji li joperaw mill-gżejjer ma jsibux irwieħhom fi żvantaġġ fil-kompetittività tagħhom minħabba l-fatt li huma inqas konnessi minn żoni oħra fl-Ewropa.

Dr Cutajar saħqet fuq il-ħtieġa li jkun eżaminat minn qabel l-impatt li kwalunkwe reviżjoni tar-regoli Ewropej tal-kompetizzjoni jista’ jkollha fuq negozji f’żoni li diġà huma żvantaġġjati minħabba l-qagħda ġeografika tagħhom li toffri sfidi naturali għat-trasport u l-konnettività — bħalma huma l-gżejjer Maltin u postijiet oħra fil-periferiji tal-UE.

Dr Cutajar tenniet l-appoġġ tagħha għal aktar flessbilità fir-regoli ta’ kompetizzjoni li ttejjeb il-qagħda ta’ negozji żgħar u medji li joperaw minn gżejjer u periferiji, sabiex dawn jgħelbu l-ispejjeż żejda li jkollhom jiffaċċjaw meta mqabbla ma’ negozji ibbażati fl-art kontinentali.

Dr. Cutajar ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-ħidma tagħha fuq din il-kwistjoni ma waqfitx mal-mument tal-votazzjoni fil-Plenarja u mhix se tieqaf, anzi stqarret li “komplejt naħdem biex din l-istrateġija tidħol fis-seħħ u minnha mhux biss jibbenefikaw l-eluf ta’ negozji madwar pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, iżda wkoll l-eluf ta’ ħaddiema u familji tagħhom, inklużi dawk Maltin u Għawdxin.”

Intant, fl-istess ġimgħa l-Ewroparlamentari Laburista kellha laqgħa mal-Kummissarju Ewropew Margrethe Vestager, fejn fiha iddiskutiet id-diversi żvantaġġi li jgħaddu minnhom gżejjer żgħar bħal pajjiżna. Hawnekk Dr. Cutajar tenniet l-impenn tagħha biex tkompli timbotta l-politika tal-gżejjer fuq l-aġenda Ewropea u tiżgura li tingħata l-attenzjoni li jixirqilha.

Share With: