“Jum storiku… Gvern li verament jemmen fl-ugwaljanza”

“X’jum storiku ieħor għal pajjiżna. Dan hu l-Gvern li verament jemmen fl-ugwaljanza. Kemm jien kburi li għal darb’oħra qed nersaq quddiem din il-Kamra b’bidla oħra. Din se tkompli tressaq ‘il quddiem il-kredenzjali demokratiċi ta’ dan il-pajjż. Dak li qed nagħmlu llum mhux xi ħaġa ġdida għal Partit Laburista. Fl-1947 kien dan il-Partit li kien katalista biex il-mara tingħata d-dritt tal-vot. Kien dan il-partit li introduċa dan. Konna aħna wkoll li tellajna l-ewwel mara. Konna aħna wkoll li għamilna l-ewwel mara Ministru. Konna aħna wkoll, dan il-Gvern li għamilna l-ewwel avukat ġenerali mara. Konna aħna wkoll li għamilna l-ewwel Speaker mara. Konna aħna wkoll li għamilna l-ewwel Kummissarju mara. Konna aħna wkoll li għamel l-ewwel żewġ Presidenti li kienu nisa. Kull fejn għandna n-nisa jmexxu hemm tmexxija ta’ suċċess. In-nisa huma sinonimi ma’ tmexxija tajba.”

Dan iddikjarah il-Prim Ministru Robert Abela, hekk kif il-Parlament beda jiddiskuti l-abbozz ta’ liġi li se twassal biex tinbidel ir-rappreżentanza parlamentari minn wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Il-Prim Ministru enfasizza li din il-liġi se tara li jkun hemm aktar ugwaljanza bejn is-sessi rappreżentati fil-Parlament.

Il-Prim Ministru saħaq li “ħdimna biex eliminajna d-diskriminazzjoni bejn nisa u rġiel fil-kuntratti pubbliċi. Bdilniha għax konna sensittivi għal dan in-nuqqas. Il-mara riedet tagħti ċerti deskrizzjonijiet u r-raġel le”. 

Qal li jekk inħarsu fil-Parlament naraw nuqqas ta’ rappreżentanza għan-naħa femminili. Meta introduċjena l-miżura ta’ Child Care bla ħlas, din kienet importanti biex aktar nisa jidħlu fid-dinja ta-xogħol. Illum irridu naraw aktar nisa fit-tmexxija. Għaliex fil-privat hemm tmexxija tajba ta’ nisa u dan b’suċċess imma l-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika hi ħafna inqas. Irridu nibdlu l-kultura. Nappella lill-Oppożizzjoni biex illum inkunu front wieħed. Irridu nibagħtu messaġġ ċar li ma jistax fl-elezzjoni li jmiss, ikollna rappreżentanza tas-sess femminili kif inhi llum.” 

Hu spjega li dan il-mekkaniżmu jaħdem jekk in-nisa jikkandidaw ruħhom għal elezzjoni ġenerali. Id-defiċit fir-rappreżentanza se jkun ikkoreġut billi jiżdiedu 12-il siġġu.

Share With: