Juventus jirbħu s-Super Cup Taljana

Iċ-champions Juventus komplew iżidu mal-kullana ta’ unuri meta rebħu s-Super Cup Taljana meta fil-finali għelbu lir-rebbieħa tal-Coppa Italia, Napoli, bl-iskor ta’ 2-0.

Wara taqsima bilanċjata li ma pproduċiet l-ebda goals, kien Cristiano Ronaldo (64) li fetaħ l-iskor għall-Bianconeri.

Dan kien is-760 goal ta’ Ronaldo f’partiti kompetittivi biex kiser ir-rekord taċ-Ċek, Josef Bican, bħala l-aqwa skorer ta’ kull żmien fid-dinja.

Fit-80 minuta, Napoli kellhom iċ-ċans li jiksbu d-draw meta ngħataw penalty meta West McKennie kkommetta foul fuq Dries Mertens liema deċiżjoni ġiet konfermata mill-VAR.

Madankollu Lorenzo Insigne xeħet barra minkejja li xeħet lill-goalkeeper, Wojciech Szczesny, fuq in-naħa l-ħażin. Li kieku Insigne skorja kien ikun il-100 goal tiegħu bil-flokk tal-Partenopei.   

Fil-ħin miżjud, Napoli setgħu kisbu d-draw meta x-xutt ta’ Hirving Lozano ġie devjat minn Giorgio Chiellini iżda b’xi mod ġie salvat minn Szczesny meta ħareġ siequ.

Fl-aħħar minuta tal-logħba, Juventus issiġillaw ir-rebħa meta minn corner ta’ Napoli, huma ħarbu b’kontrattakk fejn Juan Cuadrado għadda lejn Alvaro Morata li xeħet il-ballun f’lasta vojta.

Share With: