“Kont mixwi b’wiċċi ‘l fuq”

Christoper Aquilina bi 30 sena servizz jaqsam l-esperjenzi tiegħu bħala pumpier…

Minn Carmen Cachia

Inewsmalta għamel intervista ma’ Christopher Aquilina, li fit-30 sena servizz, kellu tliet inċidenti maġġuri u ieħor inqas gravi, iżda fortuntament baqa’ ħaj u kompla bil-ħidma tiegħu. Dan il-pumpier fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, stazzjonat f’Ħal Far, jgħidilna kif tul is-snin inbidel ix-xogħol tagħhom u dwar l-aktar żewġ inċidenti li baqgħulu ttimbrati f’moħħu, jiġifieri dak ta’ Paqpaqli għall-Istrina u l-ieħor tal-Hop On Hop Off. 

Meta dħalt taħdem mal-Protezzjoni Ċivili u x’wasslek biex tagħżel din il-professjoni?

Minn dejjem kelli l-vokazzjoni għal dan ix-xogħol tant li kont naf minn ċkuniti x’irrid nagħmel meta nikber, jiġifieri pumpier. Oriġinarjament dħalt bħala pulizija fl-1990 bil-ħajra li nkun fis-Sezzjoni tat-Tifi tan-Nar. Wara ftit xhur ġejt assenjat għal din is-sezzjoni. Hawnhekk bqajt sakemm infetaħ id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u ngħatajna l-għażla li naqilbu mad-Dipartiment. Dan seħħ fis-sena fis-sena 2000. Dħalt bħala Assistance and Rescue Officer u servejt għal sentejn. Wara dawn is-sentejn, ħadt promozzjoni u sirt Leading Assistance and Rescue Officer. 

Tul l-esperjenza twila tiegħek, kif inbidel ix-xogħol tagħkom?

Fil-bidu li bdejt naħdem bħala pumpier mal-pulizija, f’Malta kien għad hawn żewġ stazzjonijiet biss – wieħed f’Kordin u wieħed fil-Furjana. F’Għawdex kien hemm ieħor. B’kollox, kulma kien hawn kienu xi erba’ vetturi f’kull stazzjon li kienu mixtrija wżati mill-Ingilterra. Appart minnhekk, l-ilbies protettiv li konna nużaw kien boilersuit komuni. 

Illum il-ġurnata għandna 12-il stazzjon u sezzjonijiet – tnejn f’Għawdex u 10 f’Malta. F’dawn l-istazzjonijiet għandna għadd kbir ta’ vetturi u inġenji li jqarrbu l-100 u fil-biċċa l-kbira tagħhom, huma kollha ġodda. Rigward l-ilbies protettiv, issa huwa kollu tal-għola kwalità.

Kemm il-assistenza tagħtu ta’ kull sena?

F’sena d-Dipartiment ikollu madwar 6,000 assistenza u dan baqa’ konsistenti tul iż-żmien.

Liema huma l-assistenzi l-aktar kommuni/meħtieġa?

Matul ix-xhur sħan tas-sajf, l-aktar li jkollna huma l-grass u r-rubbish fires filwaqt li fix-xitwa aktar ikollna xogħol ta’ nirien residenzjali. F’dan il-perjodu, jiżdied il-pumping minħabba l-għargħar, filwaqt li matul is-sena kollha ma jonqsu qatt l-inċidenti tat-traffiku. 

Hemm xi perjodi partikolari li jkollkom aktar xogħol minn oħrajn u għala?

Il-grass fires ikunu aktar komuni fis-sajf – jiġifieri minn Mejju sa Settembru. Ħafna minnhom ikunu riżultat tas-sħana kbira li jkollna. In-nirien domestiċi jiżdiedu fix-xitwa minħabba li jibdew jintużaw appliances li jsaħħnu u dawn jew ikollhom xi ħsara, jew inkella jintużaw b’mod mhux korrett u/jew adegwat.

Ix-xogħol tagħkom huwa perikoluż. Tgħidilna kif u jekk kellekx xi aċċidenti personali?

Matul is-servizz tiegħi kelli tliet inċidenti maġġuri u ieħor żgħir. L-ewwel inċident li kelli kien fl-1993 fejn hawnhekk kont inħraqt waqt sezzjoni ta’ taħriġ. F’dan l-inċident jien kont inħraqt meta kont qiegħed nipprepara n-nar ġo kamra biex jien, flimkien ma’ kollegi tiegħi, nidħlu nitfu n-nar. Il-ħruq li sofrejt kien f’wiċċi u dirgħajja.

Fl-1995 kelli inċident meta kont qiegħed nitfi nar ġewwa vapur. Waqt dawn it-tipi ta’ operazzjoni wieħed jista’ jimmaġina kif l-istruttura tibda tisħon peress li hija tal-metall. L-inċident seħħ meta jien kont qiegħed nitfi kamra ġo dan il-vapur fejn aċċidentalment, kif l-ilma ħabat mal-istruttura, sar misħun u dar fid-direzzjoni tiegħi u samatni.

Ma ninsa qatt dak il-mument li, mingħajr ma kont naf, kont qiegħed inkellem persuna mejta

Fl-2001, sofrejt inċident ieħor meta jien u kollega tiegħi konna sejrin nixegħlu l-istorm water alarm ġewwa l-wied ta’ Birkirkara. Waqt li konna għaddejjin mill-Imsida, tlifna l-kontroll tal-vettura bil-konsegwenza li din inqagħlbet. Jien inqbadt minn saqajja taħt il-vettura. Apparti minnhekk, kelli ksur f’idi u ġrieħi oħra f’saqajja u dahri. Dan kien l-agħar inċident li qatt kelli. Kont għamilt sena u xahrejn biex stajt nidħol lura għax-xogħol b’mod normali.

L-aħħar inċident li ġarrabt kien fl-2011 f’Marsaxlokk. Hawnhekk, għal darb’oħra erġajt inħraqt. Dan kien seħħ meta konna qegħdin nippreparaw biex nidħlu nitfu n-nar ġo kantina ta’ garaxx. Kif kont għaddej minn quddiem il-bieb biex nipprepara l-manek għall-kollegi tiegħi, seħħet splużjoni ta’ ċilindru tal-gass u ħarġet fjamma fid-direzzjoni tiegħi. Mal-isplużjoni jien tirt għal taħt il-vettura. Hawnhekk wiċċi u dirgħajja reġgħu nħarqu.

Liema sitwazzjoni fuq ix-xogħol tiegħek l-aktar li baqgħetlek f’moħħok?

L-aktar żewġ biċċiet xogħol li baqgħuli f’moħħi kienu dawk ta’ Paqpaqli għall-Istrina u dak tal-Hop On Hop Off. L-inċident ta’ Paqpaqli seħħ fl-ajruport u fih kien hemm għadd kbir ta’ nies imweġġa’. Hawnhekk niftakar li n-nies inħakmu minn paniku kbir u meta wasalt, sibt quddiem wiċċi xena qisha waqgħet bomba. Dakinhar, fuq il-post tal-inċident, kien hemm ħafna nies u l-karozza baqgħet dieħla ġo fihom. Aħna li konna hemm biex nagħtu l-assistenza tagħna lil dawk kollha feruti, kellna l-adrenalina għolja għax trid tgħin lin-nies. Dak huwa l-għan tagħna.

L-inċident l-ieħor, jiġifieri tal-Hop On Hop Off, seħħ fiż-Żurrieq. Dan kien jinvolvi żewġt imwiet u għadd ta’ persuni mweġġa’ li ħafna minnhom kienu gravi u oħrajn li sofrew xokk kbir. Niftakar li kien hemm żewġt itfal li sofrew ġrieħi serji f’rashom, mentri raġel sofra ksur fix-xewka ta’ dahru. Ma ninsa qatt dak il-mument li, mingħajr ma kont naf, kont qiegħed inkellem persuna mejta. Rajt raġel bilqiegħda u għidtlu biex iqum bil-mod ħalli ngħinu jinżel iżda li ma ndunajtx kien, li minħabba ġrieħi gravi f’idu, dan żvina u miet fuq il-post. Il-fatalità l-oħra niftakar li bdejt nisma’ l-mużika fuq il-headphones tagħha. Il-vittma kienet mara li sofriet daqqa fatali f’rasha.

X’tip ta’ proġetti u investimenti saru f’dawn l-aħħar snin?

F’dawn l-aħħar snin, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili nvesta ħafna fix-xiri ta’ vetturi, inġenji ġodda u xiri ta’ apparat ġdid u modern. Qiegħed iżid is-sezzjonijiet speċjalizzati bħalma huma l-Urban Search and Rescue u HAZMAT Team fost l-oħrajn. Id-Dipartiment qiegħed ukoll jinvesti f’bini ta’ stazzjonijiet ġodda u training grounds aktar moderni. It-taħriġ barra minn xtutna f’oqsma speċjalizzati kien ukoll wieħed mill-investimenti importanti li għamel id-Dipartiment.

Share With: