Kull 7.7 sekondi tiġi infettata persuna fuq livell globali

Skont statistika miġbura mill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, il-każi totali ta’ Covid-19 minn kemm ilha li bdiet il-pandemija issa qabżu ċ-ċifra kbira ta’ 100 miljun. Dan qiegħed iseħħ hekk kif id-dinja kollha qiegħda tiffaċċja varjanti ġodda tal-virus kif ukoll nuqqas fil-provvista tal-vaċċini. 

L-istatistika ta’ Reuters turi li kważi 1.3% tal-popolazzjoni kollha tad-dinja ntlaqtet mill-virus u minn dawn kien hemm 2.1 miljun persuna li sfortunatament tilfu ħajjithom. Id-dejta ta’ Reuters turi li mill-bidu tas-sena sal-lum kull 7.7 sekondi qiegħda tiġi infettata persuna bil-Cov- id-19. Matul l-istess perjodu ta’ kuljum kienu qed jiġu rrapportati 668,250 każ ġdid filwaqt li globalment ir-rata ta’ fatalità hija ta’ 2.15%. 

L-iktar pajjiżi affettwati mill-virus huma l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Indja, il-Brażil, ir-Russja u r-Renju Unit. Totalment dawn il-pajjiżi jirrappreżentaw 28% tal-popolazzjoni globali u għandhom iktar minn nofs tal-każijiet totali ta’ Covid-19 fid-dinja. 

L-istatistika ta’ Reuters hija waħda xokkanti hekk kif din turi li biex iċ-ċifra totali ta’ infezzjonijiet laħqet 50 miljun din damet 11-il xahar, iżda issa biex iċ-ċifra telgħet għal 100 miljun ħadet biss tliet xhur. 

Madwar 56 pajjiż bdew ilaqqmu lin-nies tagħhom, u s’issa ġew amministrati tal-inqas 64 miljun doża. L-Iżrael jinsab fuq quddiem fit-tilqimiet ras għal ras hekk kif s’issa 29% tal-popolazzjoni ngħatat minn tal-inqas l-ewwel doża. 

Share With: