Kundizzjonijiet tax-xogħol “xejn tajbin” għal xufiera… Nixtiequ li l-pubbliku jikkunsidra li jagħtina t-tips

Minn Victor Vella

“Is-sigħat li qed naħdmu huma twal. M’hemmx regola ta’ kemm naħdmu sigħat. Aktar ma taħdem aktar taqla’. Il-ħlas tagħna kien tnaqqas mil-lejl għan-nhar. Dħalna fis-sistema teknoloġika li ttina x-xogħol u sibna li naqas il-ħlas. Nixtiequ nappellaw lill-pubbliku biex jibda jikkonsidra li lilna x-xufiera itina ‘tips’. Barra din hi prattika mifruxa sew. Jagħtu qisu 10 fil-mija tal-kont. Naħsbu li din hi xi ħaġa li turina apprezzament lejna għas-servizz. Xemx, xita, ksiħ u sħana, qed nagħtu s-servizz. M’għandux ikollan dik ix-xi ħaġa żgħira tips?”.

Dan iddikjarawh ma’ Inewsmalta,  xufiera li jaħdmu ma’ servizz għat-tqassim tal-ikel, liema servizz jingħata lilhom billi jidħlu fi pjattaforma diġitali u minnhemm jieħdu ix-xogħol. 

Waqt li tkellmu magħna bil-kundizzjoni tal-anonimità qalulna li “inħossu li hemm bżonn għarfien akbar għax-xogħol li qed nagħmlu. Nixtiequ li nkunu apprezzati aktar. Mhux minn nies biss imma anke mill-awtoritajiet. Fl-eqqel tal-pandemija bqajna għaddejjin. Inwasslu l-ikel. Mhux se nqabblu ruħna mal-frontliners. Mhux qed nippretendu hekk. Li rridu li nkunu stmati aktar. Qdejna nies li ma setgħux joħorġu minn djarhom. Wassalna ikel lil nies li ma kellhom lil ħadd min iwasslilhom l-ikel. Qdejna lil ħafna anzjani li kienu qed jibżgħu joħorġu minn djarhom minħabba l-virus”.

L-istess ħaddiema qalulna li “qegħdin f’sitwazzjoni li la nafu min iħaddimna u lanqas għandna kuntratt ta’ xogħol. Hawn minnha investew ammont sostanzjali ta’ flus f’karozza u garaxx biex ikunu jistgħu jaħdmu dan ix-xogħol ta’ ġarr ta’ ikel. Il-ħlas li jingħata lilna għal kull kilometru li nagħmlu qiegħed dejjem jonqos. Jekk għall-argument ftit żmien ilu kien €1.20 kull kilometru issa niżel għal €0.75 kull kilometru. Inħareġ avviż legali imma dan lilna li naħdmu ma’ app għal servizz ta’ ġarr ta’ ikel lilna ma jkopriniex. Nixtiequ aktar infurzar. Aħna għandna id-drittijiet ukoll. Ma nistgħux nibqgħu naħdmu f’dawn il-kundizzjonijiet xejn tajbin”.

L-istess xufier qalilna li “inħossuna maqbudin f’morsa. Qed nippruvaw naqilgħu xi ħaġa żejda, iżda imbagħad qed insibu li l-ħlas lilna jonqos bla diskussjoni magħna. Mhux hekk biss imma għandna ħafna spejjeż oħra għalina. Ċitazzjonijiet, ħsarat fil-karozza, u anke ħlas f’parkeġġi bi ħlas. Imbagħad hekk il-kwistjoni tar-rakkomandazzjonijiet ħażina li tista’ ssir lilna lil min ikun wassalnielu l-ikel, xi ħaġa li jekk tkun ripetuta nistgħu anke nitwaqqfu. Inħossni qed f’xogħol li kważi kollox kontrija”.

Nixtiequ li l-pubbliku jibda jikkunsidra li jagħtina t-tips

Ix-xufier, fil-preżenza ta’ xufiera oħra qalilna li “qed nitkellmu biex inqajmu l-problemi li qed niffaċċjaw. Aħna dħalna għal dan ix-xogħol. Li nixtiequ li aħna nkunu aktar protetti. Li mhux kollox jipponta lejna. Li jekk jiġri xi ħaġa u jkollna ilment ikollna fejn nagħmlu dan. Nixtieq ukoll nappellaw lill-pubbliku li jibda jikkonsidra li jagħtina dik li barra minn Malta xufiera igawdu minnha. Qed nitkellmu fuq it-tips. F’Malta ftit li xejn ningħataw. F’ħafna każi ma ningħataw xejn. Barra hi prattika li x-xufier jingħata 10 fil-mija ‘tips’.  Nemmnu li din għandha tidħol f’Malta”. 

Irid jingħad li permezz tal-app, il-kumpanija toffri ħlas biex persuna li jkollha bżonn taqbad taxi tkun tista’ tagħmel dan b’mod faċli minn fuq il-mowbajl tagħha.  Din is-sistema teknoloġika rajnieha tintuża ħafna anke f’dan iż-żmien tal-Covid, mhux biss fejn jidħol servizz ta’ taxis imma wkoll biex jitwassal l-ikel.

“Waqt li l-profitt tagħna baqa’ dejjem jittiekel, dak tal-pjattaforma li nuża baqa’ l-istess u ma nbidel qatt. Huma jgħidulna li dan qed isir għax l-ekonomija sejra ħażin,” sostna wieħed mix-xufiera. 

Dwar il-fatt li ma jafx min qed jimpjegah, huwa qal li: “tħossok bejn sema’ u ilma. Lanqas hemm kuntratt iffirmat. Kwalunkwe deċiżjoni jiħduha huma. Jekk jiddeċiedu li jbaxxu l-prezzijiet, jistgħu jagħmlu dan.” 

Il-fatt li dawn ix-xufiera m’għandhomx kuntratt, qed iġġibhom ukoll f’sitwazzjoni li f’każ ta’ lmenti kontrihom, jista’ jitwaqqfilhom l-app bil-konsegwenza li jispiċċaw mingħajr xogħol. Barra minn hekk, billi huma self-employed, mhumiex intitolati għal leave, sick leave, bonuses jew kwalunkwe benefiċċji oħra li jgawdu minnhom ħaddiema oħrajn. 

Problemi oħra

L-istess xufiera qalulna li “hemm problemi marbutin ma’ parkeġġi u hekk. Ċitazzjonijiet irridu nħallsuhom aħna. Nafu fejn għandek tipparkja u fejn m’għandekx. Mhux dejjem hu faċli li tipparkja f’postijiet li huma għall-parkeġġi. Kellna każi fejn spiċċajna qlajna ċitazzjonijiet għal ipparkjar ħażin.” 

Issa jridu jakkwistaw liċenzja – TM

Intant Inewsmalta tkellmet ma’ Transport Malta dwar din is-sitwazzjoni u l-ilmenti tax-xufiera dwar il-kundizzjonijiet. Qalulna li “wieħed mill-għanijiet ewlenin tar-riforma li għadha kemm bdiet timplimenta Transport Malta fil-qasam tal-ġarr tal-passiġġieri b’vetturi żgħar, huwa preċiżament li jitwaqqaf l-abbuż u l-ħolqien ta’ xogħol prekarju għax-xufiera minn ċerti pjattaformi ta’ prenotazzjoni diġitali. Il-kunċett ta’ xufiera self-employed qatt ma kien kopert bil-liġi Maltija u nħoloq biss fil-qafas ta’ mudelli diġitali ta’ bbukkjar ta’ trasport li daħlu fis-suq Malti f’dawn l-aħħar snin. Minħabba li dawn it-tip ta’ xufiera ma kellhomx liċenzja ta’ operatur tat-trasport, ma kellhom ebda obbligi f’għajnejn il-Liġi fejn jidħlu l-operat, ir-responsabbiltà lejn il-passiġġieri u l-ħarsien tas-sigurtà fit-triq.”

Saħqu li  “hu. għalhekk illi r-regolamenti l-ġodda li bdiet timplimenta Transport Malta L.S. 499.68, mhux talli ma jirrikonoxxux il-kunċett ta’ xufiera self-employed, talli jobligaw lil dawn il-pjattaformi ta’ prenotazzjoni diġitali sabiex jew jiksbu huma stess liċenzja ta’ operatur tat-trasport u jingaġġaw xufiera magħhom bil-kundizzjonijiet ta’ xogħol meħtieġa bil-Liġi; jew joffru s-servizz tagħhom biss lil min għandu liċenzja ta’ operatur. L-Awtorità tħoss illi din hija s-soluzzjoni aħħarija sabiex jitwaqqaf kull abbuż fir-rigward ta’ xogħol prekarju, filwaqt illi tiġi żgurata s-saħħa u s-sigurtà fit-triq b’dan il-mezz ta’ trasport.”

TM mhix l-awtorità kompetenti biex tiżgura l-osservanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera

Inewsmalta talbet kjarifiki dwar ir-risposta mogħtija minn Transport Malta. Pierre Montebello, Chief Officer fid-Direttorat għat-Trasport iddikjara li “Transport Malta, bħala l-Awtorità Regolatorja tal-qasam tat-trasport, hija biss responsabbli, f’dan il-każ, li tistabbilixxi r-relazzjoni li għandu jkun hemm bejn l-operaturi tal-pjattaformi diġitali u x-xufiera tagħhom. Dan għamlitu permezz tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 499.68, fejn ġie stabbilit illi l-operaturi tal-pjattaformi diġitali għandhom jew jiksbu liċenzja ta’ operatur tat-trasport u jimpjegaw magħhom lil xufiera li għandhom permess ta’ xufier maħruġ minn Transport Malta, jew joffru biss is-servizz tagħhom li min għandu liċenzja ta’ operatur tat-trasport – jiġifieri ma jistgħux joffru l-pjattaformi tagħhom lil xufiera hekk imsejħa “self-employed”.

Hu saħaq li “Transport Malta mhix l-awtorità kompetenti biex tiżgura l-osservanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera li jistgħu ikunu mpjegati mal-operaturi tal-pjattaformi diġitali. Wieħed jifhem illi tali responsabbiltà taqa’ taħt id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impiegi.”

Share With: