L-2020 bi 92% inqas passiġġieri abbord cruise liners mill-2019

In-numru ta’ passiġġieri abbord cruise liners li waslu f’pajjiżna matul ir-raba’ kwart tas-sena li għaddiet kien jammonta għal 11,825. Dan ifisser tnaqqis ta’ 92.9% tat-total tal-passiġġieri matul l-istess perjodu tas-sena preċedenti.

Informazzjoni ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tindika li bejn Ottubru u Diċebru tal-2020, żaru pajjiżna 16-il cruise liner, 70 inqas mill-istess perjodu tal-2019. Il-passiġġieri li kienu jinsabu fi transitu – 11,695 passiġġier – kienu jammontaw għall-biċċa l-kbira tat-traffiku totali.

Bħala medja, abbord kull cruise liner kien hemm 739 passiġġier, 1,201 inqas mill-medja tas-sena preċedenti.

Il-passiġġieri mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea kienu jammontaw għal 11,239, bl-akbar swieq ikunu l-Italja, il-Ġermanja u Franza.

Intant l-informazzjoni maħruġa mill-NSO tindika li bejn Jannar u Diċembru tas-sena li għaddiet in-numru ta’ passiġġieri abbord cruise liners li żaru lil pajjiżna ammonta għal 59,018, tnaqqis ta’ 92.3% mis-sena preċedenti.

Share With: