L-2020 bl-akbar żieda fil-mediċini b’xejn

Minn Claudio Coleiro

Is-sena 2020 kienet l-aktar sena li rat żieda fil-mediċini b’xejn mogħtija minn dan il-Gvern mill-2013.

Statistika li għandu f’idejh dan is-sit turi li fl-2020 daħlu fil-formularju 26 mediċina ġdida. Fost dawn kien hemm mediċini għall-kanċer tas-sider, għall-prostata u anke għall-pressjoni għolja.

Meta wieħed jagħti ħarsa lejn il-perjodu bejn l-2013 u l-2020 isib li b’kollox iddaħħlu 68 mediċina ġdida fuq il-formularju tal-Gvern u li minn dawn qed jibbenefikaw aktar minn 63,300 pazjent.

Fl-2013, jiġifieri fl-ewwel sena ta’ Gvern Laburista, iddaħħlu tliet mediċini ġodda għall-kura ta’ diversi infezzjonijiet inkluż dawk fil-pulmun. Is-sena ta’ wara rat jidħlu tmien mediċini, b’nofshom jolqtu lil pazjenti li jbatu mill-kundizzjoni tal-multiple sclerosis. 

Fl-2015 iddaħħlu seba’ mediċini ġodda li l-aktar li bbenefikaw minnhom kienu pazjenti b’kanċer fil-musrana, dawk li jbatu mill-kundizzjoni tal-ADHD. Ingħatat ukoll tilqima lil persuni li huma meqjusin f’riskju minħabba mard li għandhom persuni oħra viċin tagħhom.

Fis-sena 2016 rajna l-introduzzjoni ta’ ħames mediċini ġodda għal pazjenti morda bid-dijabete u bl-Epatite B u Ċ fost oħrajn. 

Fl-2017 iddaħħlu b’kollox 10 mediċini ġodda fil-formularju tal-Gvern fosthom għat-trattament tal-influwenza, għall-kanċer tal-ġilda magħrufa bħala melanoma u għall-kanċer tas-sider.

Fl-2018 iddaħħlu tliet mediċini ġodda filwaqt li fis-sena ta’ wara ddaħħlu sitt mediċini ġodda, bil-parti l-kbira tal-pazjenti li bbenefikaw minnhom kienu dawk b’kundizzjoni fil-prostata.

Share With: