“L-2020 kienet sena deċiżiva u impenjattiva” – Il-PM

Fl-ewwel intervista fis-sena l-ġdida, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela qal li l-2020 kienet sena deiċiżiva u impenjattiva.

“Immedjatament mal-bidla fit-tmexxija f’Jannar, inħatar kabinett ġdid b’element żagħżugħ u b’element qawwi femminili u hemmhekk tajba l-ewwel sinjali tal-bidliet li ridna nagħmlu.”

Fost diversi bidliet li saru, il-Prim Ministru semma l-bidla fil-metodu tal-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Prim Imħallef, il-ħatra ta’ Avukat tal-Istat ġdid, Avukat Ġenerali ġdid, it-tisħiħ fil-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni u l-implimentazzjoni ta’ bidliet li kienu tressqu mill-Moneyval.

“Dawn huma kollha bidliet sostanzjali li jirrikjedu ħafna dedikazzjoni, sigħat twal ta’ xogħol, ħidma u impenn għax meta tqis dawn il-bidliet kollha u l-wasla tal-COVID-19 f’Marzu, żdiedet il-pressjoni fuq il-ħidma tal-Gvern, il-bidliet kollha li riedu jsiru flimkien ma’ pandemija li pparalizzat lid-dinja kollha.”

Robert Abela qal li dejjem intbagħat messaġġ ta’ kuraġġ bil-miżuri li ttieħdu, u fakkar kif flimkien ma’ dawn l-isfidi kien hemm ukoll żieda qawwija fil-wasliet ta’ immigranti imma pajjiżna ma kienx lest li jibqa’ jbati piż sproporzjonat fl-immigrazzjoni u ħa deċiżjonijiet li ħallew ir-riżultati.

“Filwaqt li kellek min ried jitfa’ lis-suldati l-ħabs, aħna mhux biss irreġistrajna suċċess fil-kontroll tal-immigrazzjoni imma għamilna ftehim kollettiv għas-suldati tagħna. Is-sens ta’ sodisfazzjon huwa meta bħall-bieraħ suldati mill-P61 bagħtuli li għadhom kif irċevew l-ewwel ċekk biż-żieda u fehmu xi jfisser il-ftehim kollettiv. Bħalissa stess għandna problema tal-immigrazzjoni imma qed naħdmu biex inrażżnu l-wasliet ta’ aktar dgħajjes. Din hija problema li trid taħdem fuqha s-sena kollha u mhux fis-sajf biss.”

Il-Prim Ministru nnota kif minn Marzu sa issa, il-Gvern ta injezzjonijiet ta’ kuraġġ.

“Fl-aħħar jum tas-sena 2020 rajna li bil-miżura restrittiva tal-bars u l-każini, kien hemm numru ta’ sidien u operaturi li qed ibatu. Fil-wieħed u tletin ta’ Diċembru rajna li hemm bżonn nallokaw miljun ewro addizzjonali lil dawn l-operaturi biex intaffu mill-pressjonijiet għax hemm min qed jgħaddi mit-tbatijiet.”

Il-Mexxej Laburista semma fost l-oħrajn it-tliet pakketti finanzjarji, l-aqwa budget miksub mill-Unjoni Ewropea, u l-aqwa budget għal pajjiżna.

Semma wkoll il-kontroll mill-aspett mediku, u l-wasla tal-vaċċin kontra l-Coronavirus fl-aħħar ġimgħa tas-sena 2020.

“Kien hemm iżjed affarijiet li għamilna frott ħidma ta’ kuljum. L-isfida mmedjata tal-lum hija li nlaqqmu kemm jista’ jkun mill-poplu tagħna malajr biex sa Marzu jkollna l-ekonomija li bdiet tirpilja sew u sa Mejju nkunu business as usual ħa nkomplu nirreġistraw is-suċċessi li kellna fis-snin li għaddew.”

Biex dan isir, kruċjali tibqa’ l-għaqda, kemm fuq livell ta’ partit politiku u nazzjonali. 

“Fl-aħħar xhur kellna poplu magħqud partikolarment minn Marzu li għadda fejn pressjoni li setgħet kissret pajjiż, wasslet biex għaxar xhur wara qegħdin b’saħħitna bħala pajjiż aktar milli konna qabel. Ir-riżultat ta’ din l-aħħar sena huwa mertu tal-poplu għaliex wieġeb b’ubbidjenza meta tlabna s-sagrifiċċji.”

Il-Prim Ministru semma mumenti ta’ qtigħ il-qalb u frustrazzjoni, bħal meta kellhom jingħalqu l-ajruport, ir-ristoranti, il-bars u l-iskejjel imma l-poplu fehem li d-deċiżjonijiet li ttieħdu kienet fl-interess tal-pajjiż.

Qal li hekk kif bdejna t-tmiem ta-pandemija, irridu nżommu t-tajjeb li ħadna u ma nħallux argumenti, bħal dawk tal-politika, jifirduna.

“Kulħadd għandu l-fehma politika tiegħu u meta l-poplu jiġi biex jivvota għal min se jmexxih fil-ħames snin li ġejjin, se jagħmel il-ġudizzju tiegħu fuq min wera fl-aktar mumenti diffiċli fl-istorja ta’ pajjiżna mit-Tieni Gwerra Dinjija, li hu kapaċi jmexxi lill-pajjiż b’suċċess. Se jiġġudika wkoll lill-Partit fl-Oppożizzjoni dwar x’għamel, jew x’m’għamilx, biex għeleb il-pandemija, u dik hija l-analiżi li se jagħmel il-poplu tagħna li biex jasal għaliha, m’għandux għalfejn ikisser.”

Għas-sena l-ġdida, il-Prim Ministru wiegħed aktar ħidma.

“L-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena se jkunu ħidma iebsa fuq livell ta’ Gvern. Qegħdin iffukati fuq fejn irridu naslu biex sa Mejju naraw lil dal-pajjiż jaħrab jiġri ’l quddiem. Irrid li nitilgħu tarġa oħra għal kif konna qabel il-pandemija, għax f’Mejju li ġej irrid ekonomija lura għan-normal li ssib pajjiż li jikkumplimentaha b’istituzzjonijiet b’saħħithom, governanza b’saħħitha, Korp, Armata u Protezzjoni Ċivili li jaħdmu sew, l-awtoritajiet jaħdmu kif għandhom jaħdmu, prinċipji ta’ trasparenza u governanza tajba, u nemmen li l-2021 se tkun waħda mill-aqwa snin li qatt kellu pajjiżna.”

Share With: