L-Arċipriet ta’ Bormla mmultat talli għajjar raġel “giddieb”

L-Arċipriet ta’ Bormla Dun Anthony Cassar kien immultat €58 wara li nstab ħati li insulenta raġel meta għajjru “giddieb” f’argument bejniethom qabel il-funeral ta’ omm l-Arċipriet tar-Rabat bir-raġel ukoll jinstab ħati li għamel l-istess ħaġa u weħel l-istess multa.

L-inċident kien seħħ fis-27 ta’ Ottubru 2018, għall-ħabta tat-8.15 a.m., f’Misraħ il-Parroċċa fir-Rabat waqt li kien għaddej funeral fil-Knisja ta’ San Pawl.

Lawrence Caruana daħal l-għassa tar-Rabat u irrapporta lil Dun Cassar u meta l-pulizija sejħu lill-Arċipriet dan qalilhom li kien għajjru giddieb għax mar jirrappurtah lill-Arċisqof.

Kemm Dun Cassar kif ukoll Caruana tressqu fil-Qorti fejn kienu mixlijin mill-Ispettru Stacy Attard li kisru l-paċi pubblika b’għajjat, storbju u ġlied u li insulenta, inġurjaw jew heddu lil xulxin.

Fost dawk li xehdu quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo kien hemm żewġ sorijiet, Swor Loreta Galea u Swor Rosanna Gauci, u Dun Martin Borg.

Swor Galea qalet li nqala argument bejn Caruana u Dun Cassar fejn bdew jgħajjru lil xulxin u anke sostniet li l-Arċipriet qalilhom jibqgħu hemm bħala xhieda waqt li Swor Gauci xehdet li semgħet lil Dun Cassar juża l-kelma “giddieb” imma ċaħdet li qalilhom jibqgħu fil-post bħala xhieda.

Dun Borg qal li sema lil Dun Cassar jistaqsi lil Caruana għala mar jigdeb fuqu mal-Arċisqof imma nsista li ma kienx hemm għajjat bejniethom.

Caruana wkoll xehed kif meta Dun Cassar mar fuqu u staqsih għaliex qed jigdeb fuqu ħassu intimidat u akkużah li ġie fuqu biex jipprovokah.

Dun Cassar xehed li wara li mar staqsa lil Caruana għala qed jigdeb fuqu dan qallu giddieb u hu wieġbu billi qallu li giddieb kien hu.

Wara li semgħet dawn ix-xhieda kollha, il-Maġistrat Farrugia Frendo ikkonkludiet li l-kelma “giddieb” intqalet mit-tnejn li huma u sostniet li “huwa ta’ għajb għal dak li ġara fuq iz-zuntier tal-knisja meta nies li huma reliġjużi spiċċaw jinfexxu jitgħajjru u dan qabel ma daħlu jikkonċelebraw f’quddiesa ta’ funeral ta’ omm arċipriet ieħor”.

Waqt li ma sabitx lill-Arċipriet ta’ Bormla u lil Caruana ħatja tal-ewwel akkuża sabithom ħatja tat-tieni, jiġifieri li insulentaw lil xulxin, immultathom €58 u ordnatlu biex għal żmien sena ma jdejjqux lil xulxin inkella setgħu jeħel €1,000 multa.

Share With: