L-eks Ministru Matteo Salvini fil-qorti ta’ Palermo akkużat b’imblokk ta’ immigranti

Minn Victor Vella

Għal għadd ta’ attivisti li jaħdmu mill-qrib mal-immigranti b’mod partikolari abbord bastimenti ta’ għaqdiet non governattivi li jsalvaw l-immigranti, nhar is-Sibt kien jum importanti. Filfatt, quddiem il-Qorti ta’ Palermo, inġabru diversi attivisti u dan hekk kif beda is-smigħ preliminari tal-akkużi kontra l-eks Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini. Hu qed ikun akkużat li abbuża mill-poter meta imblokka grupp ta’ madwar 100 immigrant.

Sorsi li tkellmu ma’ Inewsmalta ddeskrivew dawn il-proċeduri bħala li huma ħafna aktar b’saħħithom minn dawk tal-qorti f’Katanja, fejn hemmhekk hemm proċeduri kontra Salvini.

L-għaqda govenattiva ippubblikat ritratti mill-ġdid ta’ dak li seħħ waqt l-imblokk abbord il-bastiment imblukkat. L-għaqda Open Arms kitbet li “dawn huma l-immaġini ta’ 151 persuna li l-eks Ministru Salvini ikkawżalhom tbatija bla bżonn u sofferenza u dan minħabba l-kampanja elettorali tiegħu. Dan għandu prezz u l-ġustizzja trid issir”. 

L-eks Ministru Taljan, nhar is-Sibt deher quddiem Maġistrat f’Palermo, b’rabta ma’ inċident li kien seħħ fis-sena 2019. F’dak l-inċident immigranti kienu imblukkati milli jinżlu l-Italja. 

Salvini kien imblukka l-bastiment u dan ma setax jidħol f’port Taljan. Il-bastiment kien mar lejn Lampedusa u wara xi jiem il-kundizzjonjiet abbord ħżienu ħafna. 

L-immigranti li kienu salvati finalment  tħallew jinżlu l-at fuq ordni tal-prosekutur lokali.

Nhar is-Sibt waqt li bdew il-proċeduri, il-Maġistrat ippospona l-proċess għal 20 ta’ Marzu. Dakinhar se jkun deċiż jekk l-eks Ministru Taljan hux se jiffaċċja akkużi. 

Salvini f’kummenti li għadda qal li “ninsab trankwill u kburi b’dak li għamilt. Jiddispjaċini għal ispiża involuta f’dawn il-proċeduri li għalihom qed iħallas il-poplu Taljan. Jiddispjaċini għal ħin li qed jaħli l-Maġistrat”. 

Proċeduri oħrajn għaddejjin ukoll fil-Qorti ta’ Katanja. Sorsi meta tkellmu ma’ L-Orizzont, qalulna li “dan il-każ li tressaq f’Palermo hu ferm aktar b’saħħtu minn li għaddej fil-qorti ta’ Katanja.

Skont il-Prosekuzzjoni li hi mmexxija minn Francesco Lo Voi, id-digriet biex ikunu imblukkati l-immigranti kien att illegali.

Bl-azzjoni li kien għamel Salvini, 151 persuna għamlu 21 ġurnata imblukkati fuq il-baħar. 40 minnhom spiċċaw fraġli ħafna u kellhom ikunu evakwati.

Jidher li fil-Qorti ġie ppreżentat rapport dettaljat dwar il-kundizzjonijiet psikoloġiċi ta’ dawk abbord. 

Salvini saħaq li “jien m’aġixxejtx waħdi imma flimkien mal-gvern”. Hu qal dan meta tkellem mal-ġurnalisti.  Kompla jgħid li “l-bastiment Spanjol kien qal le għal offerta minn Malta biex l-immigranti jiddaħħlu u qalu le ukoll biex dawn jittieħdu fi Spanja. Ilum żewġ immigranti minn dawk qegħdin il-ħabs u 44 sparixxew għax ħarbu.”

Share With: