L-impeachment ta’ Trump: Ir-Repubblikani jridu dewmien sa Frar

Ir-Repubblikani fis-Senat tal-Istati Uniti qed jitolbu lid-Demokratiċi biex itawlu l-bidu tal-proċess ta’ impeachment tal-eks President Donald Trump sa Frar.  Huma qed jargumentaw li dan jippermetti biex is-Sur Trump ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu.

L-eks President tal-Istati Uniti qed jiġi akkużat li inċita ribelljoni wara li l-partitarji tiegħu daħlu fil-Capitol aktar kmieni dan ix-xahar. Min-naħa tagħhom, id-Demokratiċi fil-Kamra tad-Deputati huma lesti biex iressqu din l-akkuża quddiem is-Senat.

Trump telaq lejn Florida hekk kif it-terminu tiegħu bħala President intemm nhar l-Erbgħa, biex ma attendiex għaċ-ċerimonja ta’ inawgurazzjoni tas-suċċessur tiegħu Joe Biden. 

Fis-6 ta’ Jannar, Trump kien qal lid-dimostanti ħdejn il-White House biex “b’mod paċifiku u patrijottiku” jsemmgħu leħinhom waqt li ppreparaw biex imorru fil-bini tal-Capitol. Huwa kien qalilhom ukoll biex “jiġġieldu kemm jifilħu.”

Ir-rewwixta li qamet fil-binja wasslet biex tilfu ħajjithom ħames persuni – erba’ dimostranti u uffiċjal tal-Pulizija stazzjonat fil-Capitol. Ġimgħa wara, Trump sar l-ewwel President tal-Istati Uniti li ġie impeached darbtejn. Il-proċess tiegħu fis-Senat se jkun l-ewwel wieħed li qatt seħħ wara li President telaq mill-kariga.

Share With: