L-MHRA temfasizza l-ħtieġa ta’ infurzar effettiv biex jingħelbu l-isfidi tal-pandemija

Il-fattur kritiku biex negħlu l-Covid-19 mhuwiex bil-mod kif miżuri restrittivi mill-aspett soċjali u ekonomiku jiġu implimentati, iżda kemm il-miżuri ta’ infurzar huma effettivi u effiċjenti. Qalet dan l-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti.

Fi stqarrija maħruġa wara li tħabbru l-miżuri ġodda li se jkunu qed jidħlu fis-seħħ fi Frar, l-MHRA emfasizzat li l-awtoritajiet għandu jkollhom ir-riżorsi adegwati biex ikun żgurat li r-regoli relatati mal-Covid-19 u liċenzji jkunu inforzati b’mod ugwali ma’ kulħadd.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet li żvolġiet aktar kmieni llum, il-Prim Ministru ħabbar li r-restoranti se jkunu qed jagħlqu fil-11.00 p.m. Dan filwaqt li ħabbar aktar infurzar fil-konfront ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni f’Għawdex, b’mod partikolari matul tmiem il-ġimgħa tal-Karnival, biex jiġi żgurat li s-sidien qed jaderixxu mal-liċenzja maħruġa lilhom.

L-MHRA qalet li l-lukandi u r-ristoranti qed iħallsu prezz għoli kaġun tal-pandemija tal-Covid-19 u għaldaqstant huwa importanti li l-Gvern jaġixxi b’mod konkret biex jiżgura li kull min jikser l-isforz kollettiv jiġi penalizzat biex ma jiġix imxejjen is-sagrifiċċju ta’ dawk l-operaturi u ċittadini li qed josservaw il-liġijiet.

Share With: