L-Ombudsman jaħtar lill-Prim Imħallef Emeritus Vincent A. De Gaetano bħala Kummissarju għall-Edukazzjoni

L-Ombudsman Parlamentari, s-Sur Anthony C. Mifsud ħatar lill-Prim Imħallef Emeritus Vincent A. De Gaetano bħala Kummissarju għall-Edukazzjoni skont il-poter mogħti lilu fl-Artiklu 17A (2) tal-Att dwar l-Ombudsman b’effett mis-7 ta’ Jannar 2021.

Il-Kummissarji, bħall-Ombudsman, huma Uffiċjali awtonomi tal-Parlament u jgawdu mill-istess indipendenza u sigurtà fil-kariga.  Il-Kummissarji jaħdmu b’mod indipendenti minn xulxin iżda jikkoordinaw il-ħidma tagħhom mal-Uffiċċju tal-Ombudsman.

Il-Prim Imħallef Emeritus Vincent Anthony De Gaetano rċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi, fl-Università Rjali ta’ Malta u fl-Università ta’ Cambridge (Gonville and Caius College).  Fl-1979 huwa ngħaqad mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u serva bħala Deputat Avukat Ġenerali mill-1989 sal-1994. 

Huwa serva fuq numru ta’ kumitati ta’ esperti fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa u kien il-president tal-Kumitat ta’ Direzzjonali dwar il-Kooperazzjoni Legali (CDCJ) u chairman tal-Grupp Multidixxiplinarju dwar il-Korruzzjoni (GMC).  Fl-1994 huwa sar imħallef tal-Qrati Superjuri u fl-2002 inħatar bħala Prim Imħallef.  Fl-2010 ġie elett biex iservi fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bħala l-Imħallef fir-rigward ta’ Malta, u serva bħala viċi president tar-Raba’ Sezzjoni u aktar tard bħala president tat-Tielet Sezzjoni ta’ dik il-Qorti.  Huwa rtira mill-Qorti fi Strasburgu f’Settembru 2019 wara li serva mandat sħiħ ta’ disa’ snin.  

F’Settembru 1988 huwa kiseb il-warrant ta’ għalliem u kien lettur  u aktar tard lettur anzjan fid-Dritt Penali u fil-Proċedura Penali fl-Università ta’ Malta, u membru regolari tal-Fakultà tal-Liġi, mill-1991 sal-2017.   Huwa ta diversi konferenzi u ippubblika artikoli dwar suġġetti legali u materji relatati mad-drittijiet tal-bniedem kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta. F‘Marzu 2020 ġie nominat mill-Kamra tal-Avukati biex joqgħod fuq il-Kumitat tal-Avukati u l-Prokuraturi Legali tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, u ġie elett president ta’ dak il-kumitat mill-membri l-oħra. 

Share With: