“Lockdowns severi ma jidhrux li jnaqqsu l-każijiet tal-Covid-19”

Dan huwa indikat fi studju li sar minn Stanford University

Filwaqt li t-tobba f’Malta qed jissuġġerixxu li jkun hemm aktar infurzar serju u miżuri aktar restrittivi, fejn qed jirrakkomandaw li jsir curfew mill-Ġimgħa għall-Ħadd, fil-qafas ta’ analiżi li saret minn Stanford University, ħareġ li m’hemm l-ebda evidenza li interventi aktar ristrettivi bħal lockdowns kkontribwew sostanzjalment biex jitnaqqsu l-każijiet ġodda ta’ Covid-19 fl-Ingilterra, fi Franza, fil-Ġermanja, fl-Iran, fl-Italja, fl-Olanda, fi Spanja jew fl-Istati Uniti kmieni fl-2020.

L-istudju jgħid li t-tixrid tal-Covid-19 wassal għal reazzjonijiet politiċi multipli bil-għan li jnaqqsu t-trażmissjoni tal-virus. L-għan ewlieni ta’ dawn l-hekk imsejħa interventi mhux farmaċewtiċi (NPI) huwa li titnaqqas it-trażmissjoni fin-nuqqas ta’ għażliet farmaċewtiċi biex tbaxxi l-possibiltà ta’ mewt, mard u tagħbija żejda fuq is-sistema tas-saħħa.

L-istudju qal li uħud mill-aktar politiki restrittivi tal-NPI jinkludu ordnijiet obbligatorji bħal li wieħed jibqa’ d-dar u għeluq tan-negozji (lockdowns). L-istudju qal li l-applikazzjoni bikrija ta’ dawn l-interventi aktar ristrettivi fil-bidu tal-2020 kienet ġustifikata minħabba t-tixrid mgħaġġel tal-marda u l-inċertezza sostanzjali dwar il-mortalità tal-virus. 

Il-konklużjonijiet ta’ dan l-istudju wrew li filwaqt li benefiċċji żgħar ma jistgħux jiġu esklużi, ma nstabux benefiċċji sinifikanti meta ġew implimentati interventi aktar restrittivi u li tnaqqis simili fiż-żieda tal-każijiet jista’ jinkiseb b’interventi inqas restrittivi.

Il-MAM titlob li jsir curfew fi tmiem il-ġimgħa

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qed tirrakkomanda li jsir curfew fi tmiem il-ġimgħa għal perjodu ta’ mill-inqas ġimgħatejn fejn in-nies ikunu d-dar sad-9p.m. L-Assoċjazzjoni tappella wkoll li jiżdied l-infurzar u l-ispezzjonijiet fosthom f’postijiet bħal Paceville u Buġibba u qalet li dan il-curfew għandu jkun infurzat ukoll fil-jumejn wara l-Ħadd tal-karnival.

Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni qalet li tinsab serjament imħassba bin-numri persistenti għoljin tal-każijiet tal-Covid-19, b’medja ta’ madwar 150 kuljum. Qalet li riżultat ta’ dan l-Isptar Mater Dei, b’mod partikolari swali mediċi, u t-taqsima tal-kura intensiva dalwaqt se jaslu f’punt fejn ma jlaħħqux mal-pazjenti.

Filwaqt li qalet li n-numru tat-tilqim li dejjem jiżdied huwa inkoraġġanti, dan m’għandux jagħti lill-awtoritajiet sens falz ta’ sigurtà. Żiedet tgħid li c-contact tracing għaddej bil-mod u dan jagħmlu ineffettiv.

Il-MAM qalet li wissiet ripetutament li r-rati ta’ kuljum għandhom jinżammu taħt il-100 kuljum, inkella s-sistema tal-kura tas-saħħa tista’ ma tlaħħaqx mat-tagħbija. 

MHRA: Infurzar u mhux curfews

Il-Malta Hotels and Restaurants Association (MHRA) appellat għal infurzar u mhux curfews. Fi stqarrija hija qalet li l-curfews huma bla bżonn, u kontroproduttivi jekk l-infurzar jiġi applikat b’mod adegwat għall-industrija kollha.

L-Assoċjazzjoni qalet li l-curfews joqtlu n-negozju tar-ristoranti kollha jew postijiet oħra li joperaw filgħaxija. Qalet li l-awtoritajiet rilevanti għandhom jiżguraw li dawk li ma jimxux mar-regoli jiġu mħarrkin, inkluż l-għeluq tal-istabbiliment jekk meħtieġ. Żiedet tgħid li l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe forma ta’ curfew se sservi biex toħloq iktar tbatija fuq is-settur tal-ospitalità, b’mod partikolari lukandi u ristoranti. Qalet ukoll li  kieku miżura bħal din kellha tidħol fis-seħħ, xorta waħda jsiru attivitajiet imma dawn isiru mil-moħbi. Semmiet kif in-nies li bbukkjaw xi farmhouse jew appartament għal tmiem il-ġimgħa se jitħalltu ġewwa. Għalhekk, l-MHRA semmiet kif is-soluzzjoni tinsab fl-infurzar effettiv tal-protokolli f’postijiet pubbliċi u f’postijiet bħal farmhouses jew appartamenti. Appellat lill-awtoritajiet biex jiżguraw li postijiet bħal farmhouses u appartamenti ma jaħsbux għal aktar minn erba’ persuni u għandhom jiġu imposti multi wkoll fuq sidien u kerrejja li jiksru r-regoli.

Share With: