“Ma rqadniex… għalhekk se nwaqqfu l-Awtorità għall-Bini” – il-Prim Ministru Robert Abela

“Dan hu rapport estensiv u studjat.  Dan hu rapport li fih ħafna affarijiet tajbin u hemm oħrajn li jridu aktar studju. Wara li tingħalaq id-diskussjoni dwar dan ir-rapport, inġibuhom hawn bħala l-pożizzjoni tal-Gvern. Jien qed ngħix f’appartament fejn bħalissa ħdejh għaddej xogħol ta’ kostruzzjoni u nifhem min ikun inkwetat.”  Dan iddikjarah il-Prim Ministru Robert Abela f’intervent fil-Parlament dwar ir-rapport ta’ inkjesta dwar it-traġedja li fiha mietet Miriam Pace mirduma f’darha fil-Ħamrun minħabba xogħol ta’ kostruzzjoni  ħdejn ir-residenza tagħha. Enfasizza li “ma rqadniex wara it-traġedja tal-Ħamrun u għalhekk se nwaqqfu din l-Awtorità għall-Bini”.

Il-Prim Ministru saħaq li “qed naħdmu ukoll fuq kodiċi għall-bini u li naraw ukoll biex is-sigurtà fil-bini tiżdied. Fl-aħħar xhur irduppjajna l-uffiċjali fejn tidħol is-sigurtà. Se nvaraw skema biex nagħtu aktar serħan tal-moħħ lin-nies. Biha persuna li ħdejha jkun se jsir żvilupp, issa se tkun tista’ tqabbad perit u jħallas l-iżviluppatur.

“Meta qed nitkellmu fuq dan is-settur qed nitkellmu fuq id-djar tan-nies. Għalhekk irridu naħdmu bil-għaqal u flimkien biex is-settur ikollu is-sostennibilità. Dan waqt li n-nies ikollhom moħħhom mistrieħ. Tajt struzzjonijiet biex l-Oppożizzjoni tinnomina membru fil-bord ta’ din l-awtorità u dan biex hi tkun ukoll parteċipi. Dan hu sinjal biex inkunu flimkien dwar dan. Ma narax li jkun għaqli li jinħoloq element ta’ diverġenza politika dwar dan is-settur. Kulħadd irid jerfa’ l-parti tiegħu. 

Il-Prim Ministru kompla li “dan ta’ llum hu biss l-ewwel pass minn sensiela ta’ riformi li se nwettqu. Dan hu gvern li jiddeċiedi”.

Share With: