Malta b’titjiriet mill-ġdid lejn Dubaj minn Mejju li ġej

Titjiriet minn u lejn Dubaj se jkunu qed jerġgħu jidħlu fis-seħħ minn Malta minn Mejju li ġej permezz tal-linja tal-ajru FlyDubai. Dan hekk kif b’kollox se jkunu qed joperaw erba’ titjiriet.

Il-linja tal-ajru bbażata f’Dubaj illum qalet li se tibda topera titjiriet lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mit-12 ta’ Mejju li ġej, bżewġ titjiriet fil-ġimgħa bejn Malta u Dubaj, u żewġ titjiriet oħrajn li jinkludu waqfa fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Katanja.

Attwalment m’hemm l-ebda titjiriet li joperaw minn Malta lejn Dubaj wara d-deċiżjoni ta’ Emirates li twaqqaf it-titjiriet kaġun ta’ numru ta’ miżuri li kellha ddaħħal fis-seħħ b’rabta mal-pandemija tal-Covid-19.

Fly/dubai qalet li laħqet ftehim ta’ codesharing ma’ Emirates, b’dan il-ftehim jipprovdi lill-klijenti konnettività man-netwerk ta’ rotot taż-żewġ linji tal-ajru.

Share With: