Malta ma’ tal-aħħar fid-Deputati nisa

L-abbozz ta’ liġi għal ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-politika huwa bidu ta’ paġna ġdida

Miktub minn Carmen Cachia

Il-perċentwal ta’ nisa membri fil-parlament tal-pajjiżi Ewropej fl-2020 minn 48 pajjiż, Malta kklassifikat fil-45 post. Dan juri kemm pajjiżna għad irid jaqdef biex ikun hemm aktar bilanċ bejn is-sessi fil-parlament. Bħalissa għaddejja ħidma biex jitneħħa dan l-iżbilanċ b’abbozz ta’ liġi li jekk sess partikolari jkollu inqas minn 40% tar-rappreżentanza, dawn jiżdiedu għal massimu ta’ 12. Fil-każ ta’ Malta, il-ħidma għandha bżonn issir biex jitħajru aktar nisa fil-politika u jimtlew aktar siġġijiet fil-parlament b’rappreżentanza femminli.

Il-figuri li ħarġu minn dan l-istudju juru li l-Isvezja hija l-aktar pajjiż b’nisa fil-parlament b’total ta’ 47%. Warajha hemm Andorra (46.4%), il-Filandja (46%), Spanja b’44% u fil-ħames post b’41.5%, insibu lill-Isvizzera. Malta hija t-tielet mill-aħħar tliet pajjiżi rreġistrati f’dan l-istħarriġ b’13/4% ta’ nisa fil-parlament, segwita mill-Ungerija (12.1%), Leichtenstein (12%) u s-Serbja. Il-medja Ewropea ta’ nisa fil-parlament hija ta’ 32.8%.

Pajjiżna, li huwa kkonsidrat bħala wieħed mill-aktar żviluppati u progressivi fil-blokk Ewropew, għandu żbilanċ akbar bejn il-membri parlamentari rġiel u nisa minn għadd ta’ pajjiżi oħra fl-Ewropa fosthom il-Greċja, ir-Rumanija, l-Azerbaijan, it-Turkija u r-Russja. 

L-abbozz ta’ liġi li nqara għall-ewwel darba f’Marzu tas-sena l-oħra, tressaq minn Rosianne Cutajar, Membru Parlamentari u Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi. L-għan wara dan l-att huwa li ssir emenda fil-Kostituzzjoni ta’ Malta u liġijiet oħra biex jiżgura ugwaljanza de facto bejn in-nisa u l-irġiel fil-politika.

Fis-sustanza, il-bidla fil-liġi tgħid li f’każ li n-numru ta’ membri tal-Parlament tas-sess l-inqas rappreżentat ikun inqas minn 40% tal-membri kollha, dan għandu jiżdied b’mhux aktar minn 12-il membru. Il-kandidati eletti bis-saħħa ta’ dan l-att iridu jkunu mqassma ugwalment bejn il-partit b’maġġoranza assoluta jew il-partit b’maġġoranza relattiva u l-partit b’minoranza.

F’każ li din il-kwota ma tintlaħaqx, dawk il-kandidati li jagħmlu parti mis-sess l-inqas rappreżentat għandhom ikunu dikjarati mill-Kummissjoni Elettorali bħala eletti biex jimlew il-bqija tas-siġġijiet addizzjonali maħluqa minn dan l-att. Jekk in-numru ta’ rappreżentanti f’minoranza jibqa’ ma jilħaqx l-40% tar-rappreżentanti, is-siġġijiet vakanti jimtlew bl-għażla ta’ membru jew membri tal-Kamra eletti.

Dan l-iżvilupp fil-parlament huwa inizjattiva importanti u storika li se jindirizza l-iżbilanċ attwali tar-rappreżentanza taż-żewġ sessi fil-Parlament tagħna. In-numru ta’ nisa fl-isfera politika f’Malta huwa baxx ħafna u persistenti. Dawn il-miżuri pożittivi mill-Gvern huma meħtieġa u għandhom ineħħu l-intoppi li kellhom jiffaċċjaw in-nisa fil-politika fosthom li ostakli soċjali u strutturali.

Iż-żieda ta’ rappreżentanti nisa fil-Parlament għandha tagħti bidu ġdid lill-isfera politika Maltija. Ir-rappreżentanza femminili fl-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż huwa prinċipju qawwi li dan il-Gvern jemmen fih u minkejja li diġà sar ħafna, għad hemm aktar xi jsir.

Share With: