Mara arrestata wara li flimkien ma’ binha ta’ 13-il sena serqet lil tliet anzjani

Mara ta’ 45 sena ġiet arrestata ftit ħin biss wara li allegatament serqet lil tliet anzjani flimkien ma’ binha ta’ 13-il sena.

Il-Pulizija kienet informata dwar l-inċident fi Triq Sir Luigi Preziosi f’San Pawl il-Baħar, għall-ħabta ta’ nofsinhar.

Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra fejn mill-investigazzjonijiet tagħhom irriżulta li mara, li magħha kien hemm tifel minorenni, ħabbtet il-bieb ta’ dar u bdiet tittallab għall-flus. Waħda mit-tliet anzjani li kien hemm fir-residenza fetħet il-bieb u daħlet ġewwa biex iġġib xi flus, imma l-mara daħlet warajha ħatfet ammont ta’ flus li kien hemm fuq il-mejda u flimkien mat-tifel ħarbu jiġru.

Il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) bdew mill-ewwel bit-tfittxija għalihom u nofs siegħa wara nnotaw żewġ persuni li kienu jaqblu mad-deskrizzjoni li taw il-vittmi. Il-mara u t-tifel twaqqfu fi Triq l-10 ta’ Frar, San Pawl il-Baħar, saret tfittxija fuqhom u fuq it-tifel instabu l-flus misruqa.

Il-mara ġiet arrestata u mistennija titressaq il-Qorti aktar tard illum quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia.

Il-Pulizija, bl-assistenza tal-Aġenzija Appoġġ, ħadet lit-tifel għand xi qraba.

Share With: