Mara fil-periklu tal-mewt u tlieta oħrajn jispiċċaw l-isptar wara ħabta kerha fis-Swieqi

Anzjana ta’ 76 sena tinsab fil-periklu tal-mewt, filwaqt li tliet persuni oħrajn kellhom jittieħdu l-isptar għall-kura wara li kienu involuti f’inċident ikrah fis-Swieqi.

Il-Pulizija kienet informata bl-inċident fi Triq Sant’Andrija għall-ħabta tad-9.30 a.m.

Mill-investigazzjonijiet preliminari jirriżulta li kienet seħħet ħabta bejn vettura tat-tip Fiat 500 li kienet misjuqa minn mara ta’ 30 sena residenti ż-Żurrieq, u Toyota Vitz li kienet misjuqa minn raġel ta’ 70 sena residenti l-Pietà.

Flimkien mar-raġel fit-Toyota Vitz kien hemm ukoll mara ta’ 73 sena mix-Xgħajra, u mara ta’ 76 sena residenti s-Swieqi stess. Passiġġier fil-karozza Fiat kien hemm raġel ta’ 31 sena residenti s-Swieqi.

Fuq il-post intalbet l-assistenza ta’ tim mediku, biż-żewġ sewwieqa u l-passiġġieri tat-Toyota jittieħdu l-isptar Mater Dei.

Aktar tard il-mara ta’ 76 sena ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi serji filwaqt li t-tliet persuni l-oħrajn sofrew ġrieħi ħfief.

Bil-każ ġiet informata l-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.

Share With: