Mara mhux ħatja li rifset sieq l-eks-sieħeb t’oħtha bil-karozza

Il-ġuvni nstab ħati ta’ sewqan perikoluż u li hedded lil oħtha

Mara ta’ 32 sena  ma nstabitx ħatja li bil-karozza rifset sieq l-eks-sieħeb ta’ oħtha wara li irriżulta li hija kienet qed tipprova taħrab minnu mentri huwa lanqas ma nstab ħati li heddidha jew li beżżaha għalkemm instab ħati li hedded lil oħtha jiġifieri l-eks-sieħba.

Il-każ kien seħħ fis-27 ta’ Frar 2017 f’Ħaż-Żabbar bl-istorja spiċċat fl-aħbarijiet wara li allegatament il-ġuvni ipprova jagħti n-nar lill-karozza tal-mara.

Michelle Camilleri kienet mixlija li saqet Renault Megane b’manjiera traskurata u perikoluża, li baqgħet għaddejja fuq it-‘traffic lights’ meta d-dwal kienu ħomor kif ukoll li ikkaġunat ġrieħi ħfief lil Alvin Pullicino .

Min-naħa tiegħu Pullicino ta’ 29 sena kien mixli li insulta, hedded jew beżża’ lil Camilleri, li qal kliem oxxen fil-pubblik u li saq Toyota Corolla b’manjiera perikoluża.

Dwar dan il-każ kien tressaq ukoll fil-Qorti kuġinuh Gavin Spagnol, ta’ 24 sena, li ġie akkużat b’kompliċità fl-inċident.

Quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo irriżulta li wara ġurnata xogħol Camilleri, żewġha u ż-żewġt itfal subien li kellhom 10 snin u tliet snin marru d-dar u r-raġel daħal ġewwa bit-tifel iż-żgħir mentri l-omm qagħdet fil-karozza mat-tifel il-kbir u magħha kellha lit-tifla t’oħtha.

F’ħin minnhom tfaċċaw Pullicino u Spagnol fejn Camilleri xehdet li tal-ewwel, li jiġi missier it-tifla t’oħtha, beda jferrex il-petrol fuq il-karozza u anke ipprova jixgħel ‘lighter’.

Hija kienet irrakkuntat kif qalet lit-tifel jaħrab imma dan kien imbeżża’ u baqa’ magħha mbagħad ħarbu mill-karozza fejn Pullicino baqa’ jiġri warajha sakemm għamlilha katina m’għonqha sakemm anke intervjena żewġha.

Pullicino u Spagnol xehdu wkoll imma sostnew biss li huma waqfu ħdejn il-karozza ta’ Camilleri għax riedu jkellmuha u waqt li ma semmewx l-inċident tal-petrol qalu biss li hija qabdet u saqet minn fuq il-post u rifset sieq Pullicino.

Wara li semgħet iż-żewġ verżjonijiet, il-Maġistrat Farrugia Frendo irrimarkat li bejn Camilleri u Pullicino jidher li hemm animożità kbira u jidher li huwa għadu m’aċċettax li r-relazzjoni m’oħtha spiċċat.

Hija sostniet li għalkemm iż-żewġ verżjonijiet tagħhom huma opposti għal xulxin żgur li f’dak il-ħin Camilleri ħassitha mhedda mill-aġir “abbużiv u vjolenti” ta’ Pullicino u kien għalhekk li ippruvat taħrab minn fuq il-post.

Il-Maġistrat Farrugia Frendo qalet li hija ċerta li kieku Camilleri ma sabitx ruħha f’din is-sitwazzjoni ma kinitx se ssuq kif saqet inkluż tibqa’ għaddejja fuq it-‘traffic lights’ meta dawn ikunu ħomor.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li hija illiberat lil Camilleri mill-akkużi miġjubin kontriha.

Fir-rigward ta’ Pullicino l-istess maġistrat qalet li ma rriżultax li hedded lil Camilleri għax meta beda jsabbat mal-karozza t-twieqi kienu magħluqin u hija stess qalet li ma tafx x’qal madankollu sostniet li rriżulta li hija fehmitu li kien qed jidgħi.

Hija sostniet li rriżulta wkoll li huwa saq ‘one way’u li saq b’mod traskurat u immultatu €500 tal-kliem ħażin fil-pubbliku u tas-sewqan perikoluż.

Sadanittant, il-Maġistrat Farrugia Frendo sabet lil Pullicino ħati li fit-23 ta’ Frar tal-istess sena f’Ħaż-Żabbar insulenta lil Chanelle Debono, oħt Camilleri, u immultatu €58.

Fl-istess waqt hija ma sabitux ħati li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u storbju, li qal kliem oxxen fil-pubbliku u li ta fastidju lill-istess Debono.

Pullicino u Debono għandhom tifla flimkien u dwar dak li seħħ dakinhar hija qalet li huwa taha daqqa ta’ ras mentri hu ċaħad dan.

Il-ġuvni nstab ħati biss li hedded li jifqalha l-karozza u ma rriżultax li kien ħebb għaliha.

Il-prosekuzzjoni fil-konfront ta’ Camilleri u Pullicino tmexxew mill-Ispettur Christabelle Chetcuti li investigat ir-rapport miż-żewġ naħat.

Share With: