Markle bi pjan lest biex titlaq lill-familja rjali qabel ma żżewġet lill-Prinċep Harry

Miktub minn CARMEN CACHIA

L-eks attriċi tas-serje “Suits” li serqet il-qalb tal-prinċep Ingliż Harry – Meghan Markle – jingħad li kienet taf minn qabel li m’hiex se tkun parti minn din il-familja prestiġġjuża fir-Renju Unit. Korrispondenta tal-istess familja u sors qrib Markle qalu li hija kienet diġà għamlet pjan ta’ kif u x’fatta se titlaq lill-familja rjali sa minn qabel ma żżewġet lill-Prinċep Harry.

Meghan Markle u Harry ħallew vojt kbir fil-familja rjali Ingliża meta ddeċidew li jmorru jgħixu fl-Istati Uniti biex jgħixu ħajja aktar normali. Huwa wasslu biex anke ċaħdu għat-titli tagħhom basta jitilqu mir-Renju Unit u jieqfu mill-impenji rjali tagħhom, pass li qajjem rabja u furur fil-palazz ta’ Buckingham. 

Il-poplu Ingliż min-naħa tiegħu fil-maġġorparti jħossu ttradut, mentri hemm persentaġġ żgħir li jifhem għala din il-koppja żagħżugħa ħadet din id-deċiżjoni drastika.

Iżda, hekk kif kienet qalet il-korrispondenta tal-familja rjali Ingliża- Angela Levin – id-Dukessa ta’ Sussex kienet lesta biex titlaq anke qabel ma ntrabtet bi żwieġ mal-maħbub tagħha Harry.

Levin qalet li, “ma naħsibx li Meghan qatt se terġa’ tirritorna lura. Ovvjament hija ma kienitx kuntenta bħala membru ta’ din il-familja rjali u kienet qiegħed tippjana sa minn qabel iż-żwieġ biex toħroġ minnha. Jiena naħseb li mhux se terġa’ lura mill-pass tagħha. M’għoġobhiex ir-Renju Unit għax kien wisq żgħir għaliha”.

Skont sors viċin, id-deċiżjoni li Meghan titlaq kienet minħabba li l-familja rjali ma laqgħethiex u l-monarkija hija wisq riġida fejn jidħlu affezzjonijiet bejn il-membri. “Ma kienx hemm għaqda fost il-qraba u hija riedet trabbi lil Archie f’ambjent mimli ferħ, imħabba u tgħannieq. Għaliha kien stramb ħafna li ma tistax turi affezzjoni u kif kulħadd huwa daqstant serju, dan b’mod speċjali fil-każ ta’ Kate,” temm dan is-sors.

Share With: