Melvin Theuma jista’ jkompli jagħti x-xhieda tiegħu kontra t-tliet irġiel mixlijin bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

It-tim ta’ psikjatri appuntati biex jevalwaw il-kapaċità ta’ Melvin Theuma li jkompli jagħti x-xhieda tiegħu wara li pprova jwettaq suwiċidju matul is-sajf li għadda qalu li huwa kapaċi jitla’ jixhed u jkompli bix-xhieda tiegħu fil-każ kontra t-tliet irġiel mixlijin li wettqu l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ George Degiorgi magħruf bħala ċ-Ċiniż, Alfred Degiorgio magħruf bħala l-Fulu, u Vincent Muscat magħruf bħala l-Koħħu.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li ma tara xejn ħażin li tippermetti l-pubblikazzjoni tal-konklużjoni tal-psikjatri appuntati jekk Theuma huwiex f’qagħda li tjila’ jixhed. Madankollu tenniet li l-bqija tax-xhieda tagħhom ma tistax tkun pubblikata.

Wara li l-konklużjonijiet tal-psikjatri nqraw fil-Qorti, l-Avukat Marc Sant, li qed jidher għal Muscat, staqsa jekk il-problemi ta’ saħħa mentali ta’ Theuma bdewx qabel jew meta twettaq il-qtil ta’ Caruana Galizia. Madankollu d-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia objezzjona għall-mistoqsija, fejn qal li l-psikjatri kienu ġew appuntati għal raġuni speċifika.

Is-seduta li jmiss mistennija li tkompli nhar it-Tnejn li ġej, fis-2.00 p.m.

Share With: