Melvin Theuma mistenni jkompli jagħti x-xhieda tiegħu wara assenza ta’ sitt xhur

Aktar tard illum mistenni li jerġa’ jitla’ jagħti x-xhieda tiegħu Melvin Theuma, il-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Theuma ilu madwar sitt xhur ma jitla’ l-Qorti biex jagħti x-xhieda tiegħu wara inċident f’Lulju li għadda fejn kien darab lilu nnifsu.

Huwa kien instab fl-appartament tiegħu fis-Swieqi bi ġrieħi f’għonqu fost oħrajn lejlet qabel ma kellu jitla’ jixhed fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, li qed ikun akkużat li huwa l-mandant tal-qtil ta’ Caruana Galizia.

Tim psikjattriku l-ġimgħa li għaddiet iċċertifika lil Theuma bħala li huwa f’kundizzjoni li jista’ jkompli jagħti x-xhieda tiegħu.

Theuma kien ingħata l-maħfra presidenzjali f’Novembru tal-2019 bi skambju għax-xhieda tiegħu dwar kif Fenech allegatament ordna l-qtil ta’ Caruana Galizia. Madankollu l-kredibbiltà tax-xhieda tiegħu sfat fil-mira ta’ attakki intensi, b’mod partikolari mit-tim legali ta’ Fenech, li jiċħad l-involviment tiegħu fil-qtil.

Share With: